Furnar kien akkużat b’attentat ta’ qtil wara ġlieda li faqqgħet fil-Każin tal-Partit Laburista f’Ħal Qormi, il-Ħadd wara nofsinhar.
Alfred Galea ta’ 46 sena kien mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi serji lill-vittma, li kien fil-pussess ta‘ strument li jaqta’ mingħajr il-liċenzja neċessarja, li ddisturba l-paċi u li kien riċediv.
Fil-Qorti ntqal li l-ġlieda allegatament irriżultat minn argument li qam bejn żewġ partijiet terzi. F’xi stadju, kif muri mill filmati CCTV, l-akkużat intervjena biex ixerred l-argument imsaħħan, iżda jispiċċa kien involut ukoll.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Anthony Vella ċaħdet il-ħelsien mill-arrest u Galea nżamm fil-kustodja tal-Pulizija.