Fil-programm ‘XTRA’ fuq TVM, it-Tnejn filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela ġie mistoqsi dwar il-Programm Malti ta’ Ċittadinanza b’Investiment u s-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Fit-tweġiba tiegħu, Dr Abela tenna kif il-flus, li daħħlu minn dan il-programm, għenu lil ħafna u ħafna għaqdiet u individwi, fosthom dawk li jaħdmu ma’ persuni bil-kanċer u b’mard terminali.
Hawn il-Prim Ministru sostna kif, filwaqt li kien sorpriż kif il-Qorti qalbet ta’ taħt fuq l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea, ma stenna xejn differenti, hekk kif esponenti u Ewroparlamentari Nazzjonalista, fosthom Roberta Metsola u David Casa, ikkampanjaw b’saħħa favur din id-deċiżjoni kontra Malta u l-poplu kollu.
“Iddispjaċini ħafna għal dakinhar tas-sentenza. Li nara l-President tal-Parlament Ewropew li toħroġ tiċċelebra s-sentenza u tgħid ‘jien kelli raġun’. Skużi int missek qegħda hemmhekk biex tgħin lil pajjiżna jsib is-soluzzjonijiet u se nkun qed ngħabbiha b’dak il-piż. Li flimkien, iżda, iż-żewġ partiti u l-esponenti ewlenin li għandhom l-influwenzi fil-kurituri ta’ Brussell u fuq il-Kummissjoni Ewropea, insibu s-soluzzjonijiet, mela nħallu pajjiżi oħrajn ikollhom sistemi simili għal tagħna u lil ta’ pajjiżna nkissruhom. U hemmhekk fejn min iħobb l-interess nazzjonali u le.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela ħabbar ukoll kif Ronald Mizzi ġie maħtur mill-ġdid Segretarju Permanenti. Dan wara dubji kbar li komplew iqumu b’rabta mal-inkjesta tal-isptarijiet.
Fil-fatt, hawn, il-Prim Ministru anke nnota s-saga tal-espert ewlieni f’din l-inkjesta, Jeremy Harbinson, li kien imqabbad mill-Maġistrat Gabriella Vella, fejn dan se jixhed issa b’ittri rogatorji.
“Tikser kull prinċipju bażiku, fil-fehma tiegħi, ta’ kif għandhom jitmexxew il-proċeduri kriminali u li jkollok inti tmur għal miżuri ta’ emerġenza li ma tippermettix li dan ix-xhud, li tħallas il-miljuni ta’ ewro, jitla’ fuq il-pedana tax-xhud u jiġi mistoqsi mill-prosekuzzjoni u mid-difiża bil-mod ta’ kif għandu jsir, jidher quddiem il-Maġistrat jew Imħallef, u jesponi lilu nnifsu wkoll għad-domandi li jsiru mill-Qorti.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Tul l-intervista, Dr Abela wieġeb ukoll dwar l-aħħar żviluppi fil-Palestina u kif pajjiżna jirrikonoxxi b’mod sħiħ id-dritt tal-poplu Palestinjan għal stat sovran.
“Iċ-ċirkostanzi korretti li, eventwalment, se jwasslu biex Malta tirrikonoxxi lill-Palestina bħala stat, dejjem qegħdin joqorbu u nemmen li nkun jien bħala Prim Ministru li, eventwalment, pajjiżna jirrikonoxxi lill-Palestina bħala stat. Sal-lum dawk iċ-ċirkostanzi għadhom ma okkorrewx, imma nemmen li l-ġurnata dejjem qegħda toqrob.”
Il-Prim Ministru Robert Abela