Issa saret drawwa li tintalab ir-riżenja tal-Avukat Ġenerali. L-ewwel ma ħareġ biha kien Simon Busuttil li spiċċa li kellu jirriżenja hu. Issa reġgħet instemgħet. Bejnietna jippruvaw iċappsu lill-Avukat Ġenerali b’xi timbru politiku, jiġifieri li hu mal-Labour! Ili nafu. Jekk tistaqsuni, naċċertakom li qatt ma smajtu jlissen kelma waħda li minnha tista’ tgħid kif jaħsibha politikament. Dejjem kien bniedem rett u tal-affari tiegħu, mhux biss issa imma anke meta kien għadu fir-rank aktar ’l isfel.
Fl-imgħoddi qatt ma kien hemm attakki fuq l-Avukat Ġenerali ġara x’ġara. Għax il-funzjoni tiegħu kostituzzjonali hija dik komparabbli ma’ mħallef. Mhux qed nitkellem meta jagħti parir lill-Gvern, li jista’ jiġi kkontestat, imma meta jeżerċita l-funzjoni tiegħu meta tingħalaq kumpilazzjoni. Id-dmirijiet u l-poteri tiegħu fil-fatt jibdew biss u biss meta tingħalaq kumpilazzjoni.
Imma Dr Peter Grech, li naturalment ma qabadx u rriżenja kull meta qalulu, bħalma kien obbligat jagħmel Simon Busuttil, kien wieħed minn tlieta, tlieta f’sensiela waħda. Għalhekk ngħid li fuq tlieta toqgħod il-borma.
U s-sensiela hija ta’ tliet Avukati Ġenerali li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern appunta, mingħajr ebda diffikultà ta’ xejn, kif kellhom dritt li jagħmlu skont il-Kostituzzjoni.
Iva, Dr Peter Grech inħatar fl-2010 minn Dr Lawrence Gonzi, meta wkoll kif kellu dritt jagħmel ħatar lil Dr Silvio Camilleri minn Avukat Ġeneral għall-President tal-Qorti. Ħadd ma tkellem fuq “rule of law” dak iż-żmien.
Qablu l-istess Gvern Nazzjonalista, fl-2004, mingħajr ħafna ċerimonji u maġġoranzi ta’ żewġ terzi, kien ħatar lil Dr Silvio Camilleri bħala Attorney Ġeneral, wara li l-Avukat Anthony Borg Barthet sar imħallef fl-Ewropa. U min ħatru lil Anthony Borg Barthet bħala Avukat Ġenerali? U b’liema maġġoranza? Inħatar fl-1989 minn Gvern Nazzjonalista.
Fi żminijiet differenti ġrat xi ħaġa, jew qatt ma ġara xejn? Imma qatt ħadd ma qam jgħajjat kontra l-Avukat Ġenerali u talbu jirriżenja.
Issa għandna l-paladini tar-rule of law. Qabel jien nibda nikkunsidra fuq l-Avukat Ġenerali rrid inkun sodisfatt li għamel xi ħaġa ħażina, jew li naqas li jagħmel xi ħaġa u m’għamilx.
Jekk ġara dan, allura hemm il-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u tiġġudikah u tmexxi kontra tiegħu.
Jekk il-provi huma t-teatrini u x-xenati, verament tkun marret għal għajnha r-rule of law.