Salvu Mallia, li kkonesta elezzjoni ġenerali mal-Partit Nazzjonalista, kien mistieden fuq Net Television b’wieħed mill-messaġġi ewlenin tiegħu ikun dwar kemm jixtieq deni lill-Ministru Owen Bonnici.
Mallia huwa fost dawk imfittxija mill-Partit Nazzjonalista biex jattakka l-Gvern u mhux darba u tnejn ilissen diskors ta’ mibegħda.
Skont Salvu Mallia, lill-Ministru Bonnici ma jistax ma jisħtux, fost l-oħrajn għax fuq il-PBS qed issir il-produzzjoni Love Island.
“Dr Owen Bonnici, nispera li tismagħni li qed ngħid. Jiddispjaċini ngħid, imma jien bħala Malti ma nistax ma nisħtekx u ma nixtiqlekx id-deni kollu tad-dinja,” qal Salvu Mallia.
Lil Mallia ‘Love Island’ ma jogħġbux, u qal li dan mhux għax qed jixjieħ. Biex jagħti eżempju li mhux il-każ qal li jaqbel li jkun hemm bajja għall-għarwenin. Fl-istess waqt, dak li kien star candidate tal-establishment tal-PN insista li l-Gvern qiegħed jirvina l-pajjiż.
“Dawn m’għandhom ebda policy, ħlief li jirrovinaw il-pajjiż, biss,” qal Salvu Mallia, li uża l-ħin ukoll biex jitkellem kontra l-vaċċin tal-Covid-19.
Salvu Mallia ddeskriva lil Malta bħala miżbla u imbarazz.