“Fuq livell Ewropew għandu jkollna strateġija fuq is-saħħa mentali”. Dan qalu l-kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Dr Alex Agius Saliba, f’diskors li għamel fuq il-midja soċjali, fejn tkellem fuq il-kura tas-saħħa mentali u l-isfidi li għadu jaffaċċja pajjiżna f’dan il-qasam.
Agius Saliba qal li storikament f’Malta din l-isfida dejjem ġiet trattata daqslikieku kienet xi taboo, tant li sal-lum il-ġurnata, t-trattament għall-mard mentali għadu jingħata fi sptar separat u iżolat mill-isptar Mater Dei. Huwa tkellem fuq il-passi proattivi li ħa l-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar snin u qal li bis-saħħa t’hekk illum il-ġurnata hawn diskussjoni serja fuq din l-isfida u m’għadhiex tidher bħala problema ta’ taħt it-tapit, filwaqt li faħħar ukoll il-baġit li ġie allokat għal din is-sena fil-qasam tas-saħħa li ser ikompli jgħin biex tingħeleb din l-isfida.
B’referenza diretta, Dr Agius Saliba faħħar ukoll ix-xogħol siewi li għamlu kemm l-Eċċellenza tagħha l-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca u s-Sinjura Michelle Muscat li bl-inizzjattiva tagħhom mexxew ‘il quddiem kampanja edukattiva pożittiva. Huwa qal ukoll li min-naħa tal-Gvern ser ikun hemm investimenti infrastrutturali kbar f’dan il-qasam, fejn fost oħrajn huwa mistenni li din il-kura tibda tingħata fl-Isptar Mater Dei.
Agius Saliba sostna li għad baqa’ aktar xi jsir u saħaq b’mod speċjali fuq l-importanza li nestendu l-kampanji edukattivi sabiex il-pubbliku jkompli jinforma ruħu fuq dan il-mard kif ukoll fuq il-bżonn li Malta tkompli tinvesti fil-professjonisti f’dan il-qasam sabiex dejjem ikompli jogħla l-livell tal-kura li tingħata.
Il-Kandidat Laburista tkellem ukoll fuq il-bżonn li fuq livell Ewropew ma jkunx hemm tnaqqis fil-fondi tal-koeżjoni fil-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea, għaliex dawn il-fondi huma t’importanza għal Malta u bihom il-pajjiż ikun jista’ jinvesti f’aktar infrastruttura fil-qasam tas-saħħa. Agius Saliba temm jgħid li jekk ikun elett Membru Parlamentari Ewropew, bħala parti mix-xogħol tiegħu hu ser ikun qiegħed jitkellem fuq il-bżonn ta’ strateġija Ewropea fuq il-kura tas-saħħa mentali li għandha tkun ibbażata fuq diskussjoni mal-professjonisti biex tinstab soluzzjoni għal dawn l-isfidi fuq livell Ewropew.