Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qatta’ intervista sħiħa fuq l-istazzjon nazzjonali joħroġ bl-iskużi għat-telfa elettorali li ġarrab il-Partit Nazzjonalista ftit tal-ġimgħat ilu.
Waqt intervista fuq il-programm XTRA, il-Kap Nazzjonalista beda billi pponta lejn il-predeċessur tiegħu Adrian Delia u lmenta li ma kellux żmien biżżejjed biex jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista.
Grech qal, “Kulħadd jaf, inkluż inti, Saviour, li l-Partit kien għadu kif għadda minn diffikultajiet kbar u ġlied kbir. Tant hu hekk li tneħħa l-Kap ta’ qabli.”
Huwa stqarr, “F’sena u erba’ xhur ma tilħaqx tagħmel, id-differenzi kollha, speċjalment meta inti ħa ssib Partit f’dik il-qagħda li kien dak il-Partit.”
Bernard Grech kompla jsostni wkoll l-istrateġija li adotta fil-kampanja elettorali. Huwa saħansitra faħħar il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, minkejja li kien hemm mas-sitt verżjonijiet tiegħu filwaqt li kien mifni bi żbalji u miżuri doppji.
Tenna, “Kellna viżjoni u programm elettorali li konna u għadna kburin bih.”
L-iskużi komplew u fuq it-telfa tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna ma setax jieħu d-deċiżjonijiet kif ried għaliex l-elezzjoni setgħet ġiet kmieni.
Grech qal, “Dak kien il-ħsieb, li l-elezzjoni tista’ tiġi malajr. Allura, la jaf tiġi malajr u m’għandekx tragward u data fissa, allura anke d-deċiżjonijiet li trid tieħu se jkunu kkundizzjonati.”
Minkejja dawn l-iskużi kollha Bernard Grech baqa’ jsostni l-pożizzjoni tiegħu li jibqa’ Kap Nazzjonalista.
Tant hu hekk, li meta l-ġurnalist ta’ esperjenza Saviour Balzan staqsieh għaliex iħoss li għandu jibqa’ Kap, Grech wieġbu li din id-deċiżjoni saħansitra ħadha qabel l-elezzjoni, irrispettivament mir-riżultat li kien se jġib.
Saviour Balzan: “Għalfejn iddeċidejt biex tibqa’?”
Bernard Grech: “Għax l-ewwel ħaġa d-deċiżjoni għamiltha qabel l-elezzjoni u mhux wara.”
Kien hawn li Bernard Grech kompla bil-kampanja tiegħu li jwerwer sabiex iżomm postu bħala Kap Nazzjonalista, minkejja li huwa kien il-Kap bl-akbar telfa ta’ partit politiku fl-istorja ta’ Malta sovrana.
“Il-Kap tal-PN illum huwa Bernard Grech.”
“F’dan il-mument, in this moment in time, jiena l-Kap tal-Partit u allura rridu nirrikonoxxu li l-ġerarkija mhux erbat ikliem fuq karta imma hija neċessità biex ikun hemm struttura, biex ikun hemm direzzjoni, biex ma jkunx hemm anarkija.”
Malli l-preżentatur tal-programm semma wkoll lil Joe Giglio bħala wieħed mill-ewlenin li seta’ jeħodlu postu, Bernard Grech pront ikkoreġieh biex jagħmilhielu ċara li Giglio mhux se jkun qed jikkontesta għall-kariga ta’ Kap.
Qal, “Jidhirli anke Joe Giglio ddikjara.”