Mhux faċli ssib ruħek f’sitwazzjoni fejn l-ewwel wild għandu l-awtiżmu. Wisq inqas meta tiskopri li ż-żewġ ulied ta’ wara, tewmin, għandhom l-istess kundizzjoni. Iżda l-omm li ltqajna magħha tinsab determinata, biex flimkien ma’ żewġha u ta’ madwarha joffru l-aqwa trobbija lit-tfal tagħha.
Bil-għan li tgħin lillhom u oħrajn li jsibu diffikultà fit-tagħlim, Valerie Brincat iddisinjat u pproduċiet materjal edukuttiv bil-għan li l-ġenituri jużawhom ma’ wliedhom fl-iżvilupp tal-ħiliet soċjali tagħhom għal ħajja indipendenti.
Minkejja dan, is-suq lokali huwa limitat u ħafna xogħol baqa’ fuq l-ixkaffa. Kien hawnhekk li bdiet tagħmel pressjoni biex il-pjattaforma ta’ bejgħ fuq l-internet, l-Amazon, tkun aċċessibbli għan-negozji Maltin.
Kien f’April li għadda li s-sit Amazon ħabbar li imprendituri u negozji żgħar u medji Maltin issa jistgħu ibigħu l-prodotti tagħhom fuq din il-pjattaforma. Dan daħal fis-seħħ wara diskussjonijiet twal li saru bejn id-direġeneti tal-kumpanija online, u l-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Ekonomija.