Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri nstemgħet ukoll il-kumpilazzjoni ta’ Dean Martin, li flimkien ma’ Melvin Debono ġie arrestat waqt rejd tad-droga fid-19 ta’ Diċembru.
Fil-Qorti xehed uffiċjal ta’ Transport Malta dwar riċerka fuq il-Vettura VW Bora ta’ kulur Beige.
Stqarr li din hija rreġistrata fuq l-akkużat u ilha minn April tas-sena 2020.
Xehed sid il-garaxx ta’ Triq il-Qaddiefa fil-Marsa.
Stqarr li għall-garaxx għandu aċċess Raymond Martin, li jiġi missier l-akkużat.
Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ wkoll missier l-akkużat iżda dan għażel li jixhidx hekk kif kellu għażla li jagħmel dan.
Kuntistabbli fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga spjega kif fil-garaxx ta’ missier Dean Martin instabet sustanza suspettata droga.
Waqt tfittxija d-dar instabu ammont ta’ flus kontanti f’ġakketta fil-gwardarobba u żewġ mobile phones oħra barra dak li nstab fuqu u ieħor li nstab fil-karozza.
Instema’ wkoll kif fil-karozza, f’żewġ basktijiet tas-supermarket, li kienu ġo baskett wieħed ta’ ħanut tal-ħwejjeġ, instabu żewġ pakketti droga, wieħed issiġillat bi plastik iswed u ieħor bi plastik kannella.
Kuntistabbli ieħor spjega kif Dean Martin għamel qisu siegħa ġol-garaxx qabel ħareġ b’baskett f’idu u daħal ġol-karozza u saq lejn Raħal Ġdid.
Stqarr li ġo garaxx kien hemm baskett tal-gym bi droga u miżien.
Spjega kif daħlu wkoll s-sezzjoni tal-pulizija bil-klieb iżda ma nstabitx iżjed droga.
Spjega kif qabblu wkoll iċ-ċwievet l-oħra li nstabu mal-garaxxijiet li hemm fl-istess blokka iżda l-ebda wieħed ma’ qablet.
Surġent mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga spjegat kif daħlitilhom informazzjoni li dawn Dean Martin u Melvin Debono kienu se jagħmlu xi ftehim dwar droga u wara l-operazzjoni ġiet mgħarrfa li dawn ġew arrestati.
Stqarret li mbagħad marret fuq il-post.
Stqarret kif ma’ dan il-każ hija ma kellhiex iktar x’taqsam ħlief li quddiem l-akkużat hija għaddiet it-total ta’ €5,370 miġbura minn fuq l-akkużat.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/01/05/fil-kcina-kellu-trab-abjad-pulizija-fix-xhieda-tal-kumpilazzjoni-dwar-rejd-tad-droga/