Il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jieħu d-deċiżjonijiet b’mod konsistenti biex jipproteġi s-saħħa u l-għajxien tan-nies skont ir-riżultati marbuta max-xjenza.
Dan intqal mill-Partit Laburista fi stqarrija t-Tlieta filgħaxija, b’rabta mal-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-pandemija.
Il-Partit Laburista nnota kif huwa faċli ħafna li xi darba tolqot dak li jkun qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, għax ġurnata jkun qal mod u ġurnata oħra jkun qal mod ieħor.
F’din l-istqarrija ntqal kif bħalissa l-każijiet tal-Covid-19 huma taħt kontroll, ir-rata ta’ persuni fl-isptarijiet baqgħet waħda stabbli u fuq kollox żdiedet b’mod qawwi r-rata ta’ tilqim bil-booster.
Il-Partit Laburista saħaq li huwa għalhekk li l-Gvern jista’ jkompli bl-istrateġija li tnaqqas il-miżuri u li tieħu ħsieb is-saħħa tan-nies.
Il-Partit Laburista temm jgħid f’din l-istqarrija, li din strateġija bbażata fuq il-fatti u mhux fuq il-populiżmu.