“Mill-baħar iżraq, ħadt ismi”.
Dan huwa l-motto tal-lokal taż-Żurrieq, fejn il-Ħadd filgħodu ġiet inawgurata Funtana fid-daħla taż-Żurrieq.
Flimkien mar-residenti tal-lokal kif ukoll mal-kunsilliera u membri parlamentari, is-Sindku Ignatius Farrugia qal li l-inawgurazzjoni ta’ din il-funtana fid-daħla tal-lokal huwa mument li kien mixtieq għal diversi snin.
Qal kif “Kienet ħolma tiegħi li wara għexjieren ta’ snin l-entratura taż-Żurrieq ġiet mibdula għal stil modern.”
Qal li issa ż-Żurrieq għandu daħla li wieħed jista’ tassew jiftaħar biha.
Is-Sur Farrugia spjega kif ix-xogħlijiet fuq il-funtana kienu integrati ma’ dawk ta’ Vjal ix-Xarolla li tlestew fix-xhur li għaddew.
Farrugia spjega li “Kien jinvolvi ħafna xogħol għax bdejniha mill-ġdid dil-funtana. Għandha r-reservoir meta għamilna Vjal ix-Xarolla ħsibna għalih sabiex it-turf jissaqqa mill-istess ilma tax-xita.”
Flimkien mal-funtana, fid-daħla taż-Żurrieq saret skultura bil-motto tal-lokal, kif ukoll l-arma taż-Żurrieq imnaqqxa fil-ġebla Maltija minn skultur Żurrieqi.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-gvern jappoġġja inizjattivi bħal dawn li jsebbħu l-irħula u li jagħtu xi ħaġa lura lill-komunità.
Huwa rringrazzja lis-Sindku tal-għaqal finanzjarju li l-kunsill taż-Żurrieq wera sabiex dan il-proġett isir kompletament minn fondi tal-kunsill.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis faħħar il-ħidma mill-kunsill taż-Żurrieq u qal li dan huwa eżempju ta’ kunsill li jġib il-bidla u ma jħallix l-abbandun.
B’referenza għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali ta’ Mejju, qal li din m’għandiex tkun tellieqa bejn il-partiti jew bejn il-kandidati iżda opportunità sabiex dawk eletti jixprunaw il-bidla li r-residenti jixtiequ.