“Grazzi talli tajtna ċ-ċans niltaqgħu ma’ Elisa.” Din kienet waħda mit-talb li l-ħbieb ta’ Elisa resqu waqt il-funerali tagħha fil-knisja parrokkjali f’Ħaż-Żebbuġ.
Dan għax il-funeral tagħha ma kinitx biss ċerimonja funebri li fiha ngħatat l-aħħar tislima, iżda ta’ radd il-ħajr lil Alla, talli għalkemm għal żmien qasir, ħalla l-karattru ta’ Elisa jibdilhom.
Elisa tilfet ħajjitha traġikament f’inċient tat-traffiku li seħħ il-Ħamis fil-Mellieħa.
Il-Knisja ta’ Ħaż Żebbuġ, imżejna bi bżieżaq roża u bojod tlestiet sabiex għall-aħħar darba tilqa’ lil Elisa qalb in-nies li tul ħajjitha tant ħabbewha.
Fosthom il-qraba u l-ħbieb, kien hemm sħabha li poġġew fuq il-bank tal-iskola magħha, li żifnu magħha waqt il-lezzjonijiet taż-żfin li kienet tattendi u li tant għamlet avventuri magħhom mal-grupp tal-iscouts.
Fuq wiċċhom dehret id-dieqa tat-telfa taċ-ċkejkna li bil-kumpanija tagħha tant kienet timlilhom ħajjithom iżda wkoll wens għax jafu li gawdewha kemm setgħu.
Dawn l-emozzjonijiet qasmuhom anke permezz tal-offerti tal-ward abjad li grupp kbir minn sħabha tellgħu fuq l-artal.
Il-Patri Sależjan, Sandro Camilleri li ċċelebra l-quddiesa fl-omelija stqarr li Elisa kienet ‘farfett ħieles’. Ħielsa bl-onestà tagħha u bil-karattru ferrieħi tagħha.
Irrakkonta kif f’ħajjitha dejjem għexet qrib ta’ Ġesu hekk kif ma’ kull ċans li kellha kienet titlob u tkanta kant ta’ tifħir lil Alla. Stqarr li hija kienet tgħaġġeb lil kulħadd bl-eżempju li kienet tagħti. Kliem li verament jirrifletti l-frażi li kienet tħobb tgħid, “Jien ta’ Ġesù.”
Filwaqt li ssoltu kienet tkun hi li tikser is-silenzju biċ-ċajt, iż-żfin u l-kant tagħha, din id-darba kienu l-qraba u l-ħbieb tagħha li fi tmiem il-quddiesa, kisru s-silenzju ta’ qsim ta’ qalb b’ċapċipa waħda hekk kif it-tebut abjad ta’ Elisa xiref fuq iz-zuntier.