Fuljett mhux iffirmat qed jitqassam f’Għawdex u nies li tkellmu ma’ one.com.mt sostnew li huma urtati għal fatt li huwa distruttiv u jrid jerġa’ jġib is-snin tad-dlamijiet bħal ma’ huwa l-interdett.
Il-fuljett jgħid li l-interdett ġab snin ta’ glorja, forsi anki għaliex il-Partit Nazzjonalista ħadem spalla ma’ spalla mal-elementi konservattivi tal-Knisja ta’ Gonzi.
Sabiex ikompli jkun konservattiv, element li anki sab l-għeruq fil-partit ta’ Simon Busuttil, dan il-fuljett anonimu ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-introduzzjoni tal-‘morning after pill’.
Isemmi wkoll il-mina ta’ bejn Malta u Għawdex u jgħid li din se teqred lil Għawdex. Il-fuljett ma jsemmi xejn dwar; l-inċentivi għall-Għawdxin, il-ħaddiema tal-RS2 li flok jaqsmu l-fliegu qed jaħdmu f’Għawdex stess u n-negozji Għawdxin li qed jimirħu, riżultat tat-turiżmu li sploda ‘l fuq matul is-sena kollha.
Imma dan il-fuljett jidher li anki qed jipprova jibgħat messaġġ ċar lejn it-tmexxija ta’ Busuttil. Filwaqt li jsostni li l-Partit Nazzjonalista m’għandux imur għall-elezzjoni b’mexxej dgħajjef, dan il-fuljett jitfa’ dawl fuq is-sħab iswed li ilu jaħkem lid-Dar Ċentrali.
Osservaturi li qraw dan il-fuljett sostnew magħna li riżultat li Busuttil qed jipprova jsiekket lil kull min qed jagħmillu kritika interna, fazzjonijiet differenti qed jippruvaw jsemmgħu leħinhom permezz ta’ dawn il-fuljetti li qed jitqassmu baxx baxx.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2016/11/IMG_0001.pdf”]