Il-faċilità għall-kura fit-tul għall-anzjani San Vinċenz de Paul għandha żewġ swali ġodda li ġew mgħammra apposta għall-pazjenti li jbatu bi-dimensja.
Permezz ta’ dan l-investiment li jlaħħaq kważi l-miljun ewro, l-għadd ta’ sodod għall-anzjani b’din il-kundizzjoni kiefra rdoppja minn 22 għal 44 sodda.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Josianne Cutajar qalet li l-proġett tlesta fi żmien stipulat u se jkompli jżid il-faċilitajiet għall-persuni bid-dimensja.
Qalet li f’Malta hawn eluf ta’ pazjenti li jbatu bid-dimensja u li l-popolazzjoni dejjem tixjieħ qed twassal biex dawn jiżdiedu.Dr Cutajar qalet li għalhekk il-ħtieġa li l-pajjiż ikompli jinvesti f’proġetti bħal dawn għall-kura ta’ dawn l-anzjani.
One News tkellem mac-Chief Nursing Manager, Rudolph Cini li spjegalna għaliex kull kamra fil-wards għandha l-kulur tagħha. Dan filwaqt li ma’ kull kamra u sodda hemm tabelli bl-isem tal-pazjenti u r-ritratti tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentaru għall-Persuni b’diżabilità u l-anzjanità attiva, Anthony Agius Decelis saħaq li dan il-gvern għal darb’oħra reġa’ żamm il-wegħda tiegħu li jkompli jinvesti f’ħajjet l-anzjani Maltin.
Is-Segretarju Parlamenti qal li l-kura u t-trattament għal dawn il-pazjenti jitlob dedikazzjoni u attenzjoni u ħeġġeġ lil kull min imiss ma din il-kundizzjoni biex ifittex l-għajnuna billi jċempel fuq in-numru apposta 1771.