Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku jesperjenza l-Forti Dellimara bħal qatt qabel, issa li tlestew aktar xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni fih, fi ftuħ speċjali nhar is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ April.
Il-Forti Dellimara hu eżempju klassiku ta’ fortifikazzjoni kostali Vittorjana, mibni fl-aħħar kwart tas-Seklu 19 biex iħares il-port ta’ Marsaxlokk taħtu. Minn Mejju tas-sena li għaddiet ’l hawn, ix-xogħol ta’ konsolidazzjoni u trattament fil-forti ma qatax, biex illum il-binja reġgħet ingħatat il-konfigurazzjoni sħiħa tagħha kif kienet fl-1964, meta kienet għadha kemm waqfet tintuża mill-militar Ingliż.
F’din l-attività mifruxa fuq jumejn, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jesperjenzaw dan is-sit storiku u jaraw ix-xogħol li sar.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2024/04/19100813/One-of-the-underground-ammunition-magazines-1024x682.jpg)
Se jsiru tmien dawriet iggwidati f’kull ġurnata – erbgħa bil-Malti, fl-10.00 a.m., f’12.00 p.m., fis-2.00 p.m. u fl-4.00 p.m., u erbgħa bl-Ingliż, fil-11.00 a.m., fis-1.00 p.m., fit-3.00 p.m. u fil-5.00 p.m.
Il-biljetti huma limitati u għandhom jinqatgħu minn qabel. Il-pubbliku se jkun jista’ wkoll jaqta’ biljetti minn mal-bieb, bi prezz ftit aktar baxx, iżda dawn jagħtu aċċess għall-forti mingħajr gwida.
Fost ix-xogħlijiet ewlenin li saru nsibu t-tneħħija ta’ diversi mqawel mis-snin tmenin, meta l-fortizza ntużat bħala razzett. Dan kixef ħajt storiku mibni biex jipproteġi l-barracks, magħruf bħala parados, kif ukoll l-art oriġinali tal-konkrit, li t-tnejn imorru lura għall-1880.
It-tneħħija tal-imqawel tat ukoll aċċess aħjar għall-imħażen taħt l-art ta’ wieħed mill-kanuni breech loaders li kellha l-fortizza bejn l-1892 u l-1956.
Sar ukoll tindif estensiv fil-passaġġi ta’ komunikazzjoni taħt l-art li minn ġol-fortizza jagħtu għall-counterscarp galleries fil-foss, li kienu jintużaw biex jisparaw kontra xi suldati tal-għadu li setgħu jinżlu fil-foss f’każ t’assedju. Il-counterscarp galleries, li se jinfetħu għall-ewwel darba, se jkunu aċċessibbli biss għal min jirriserva postu għad-dawriet gwidati.
Lil hinn minn ġmiel il-binja nnifisha, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw ukoll uħud mill-kanuni ta’ 38 tunellata mis-sitta li kien hemm meta l-forti kien għadu jintuża għal skop militari.
Uniċi fid-dinja għax huma l-aħħar tat-tip tagħhom li għadhom fil-post oriġinali tagħhom, dawn maż-żmien sofrew ħafna ħsarat u vandaliżmu. Minħabba f’hekk, sarilhom trattament fejn tneħħa s-sadid u ngħatat iż-żebgħa mill-ġdid, b’kuluri storiċi.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2024/04/19100523/One-of-the-original-38-ton-guns-now-restored-1024x683.jpg)
Se jkun hemm ukoll diversi attivitajiet oħrajn li jassiguraw pjaċir għal kulħadd. Fost dawn insibu spettakli ta’ re-enactment ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, opportunità li titgħallem aktar u titħarreġ fl-użu ta’ armi airsoft (din l-attività hija abbażi ta’ donazzjoni), u programm imżewwaq għaċ-ċkejknin, b’avventuri u esperimenti eċċitanti.
Il-biljetti għad-dawriet jistgħu jinqatgħu hawnhekk: www.heritagemalta.mt/store jew minn kwalunkwe sit jew mużew ta’ Heritage Malta. Il-forti se jkun miftuħ mill-10.00 a.m. sas-6.00 p.m. matul il-jumejn tal-attività, u se tkun tista’ tuża spazju biswit bħala parkeġġ.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2024/04/19100656/One-of-the-counterscarp-galleries-1024x683.jpg)
L-art tal-forti tvarja fil-livelli f’ċerti postijiet, u għalhekk huwa importanti ħafna li l-viżitaturi jilbsu żraben komdi. Is-sit jista’ jkun ta’ sfida għal persuni li jużaw siġġu tar-roti, u partijiet minnhom jistgħu jkunu ta’ sfida għal min isofri mill-klawstrofobija. L-annimali huma milqugħa fis-sit, iżda huwa obbligatorju li jkunu marbuta.
Se jkun hemm ukoll postijiet minn fejn jista’ jinxtara l-ikel.