F’Tottenham fl-Ingilterra, raġel ta’ 21 sena tilef ħajtu u tnejn oħra qed jiġu rikoverati l-isptar wara li bdew iħossuhom ma jifilħux waqt li kienu qed igawdu s-serata ġewwa post tad-divertiment.
Il-Pulizija Metropolitana daħlilha rapport ftit wara t-tlieta ta’ filgħodu s-Sibt li f’post ta’ divertiment jismu ‘The Cause’ kien hemm numru ta’ persuni li ma bdewx iħossuhom tajjeb.
Fi stqarrija ntqal kif sa issa huwa mifhum li dawk kollha milquta kienu ħadu xi droga. Is-Supretendent Simon Crick ħeġġeġ lil dawk kollha li xtraw xi sustanzi mill-istess post ta’ divertiment sabiex jarmuhom mill-iktar fis. Madankollu, f’dan l-istadju għadu mhux magħruf eżattament x’ikkawża l-mewt tar-raġel.