L-Italja qed tesperjenza żieda kbira fl-ammont ta’ immigranti li qed jidħlu fil-pajjiż, tant li fl-aħħar tliet ijiem fil-portijiet Taljani daħlu aktar minn elf u mitejn u ħamsin immigrant.
L-Awtoritajiet Taljani sostnew li ma jistgħux jaċċettaw u jmantnu lill-immigranti kollha mingħajr għajnuna minn pajjiżi Ewropej oħra.
Il-Gvern Taljan qal li mqabbel mas-sena l-oħra, l-iżbarki tal-immigranti ttripplaw.
Dan hekk kif din is-sena, ftit inqas minn disat’elef immigrant daħlu fl-Italja, filwaqt li fl-istess xhur tas-sena li għaddiet daħlu ftit inqas minn tliet elef u mitejn immigrant.
Il-biċċa l-kbira tal-immigranti li daħlu fl-Italja kienu Tuneżini filwaqt li numru sostanzjali ta’ immigranti oħra telqu mill-Bangladesh, l-Kosta tal-Ivorju, l-Alġerija u mis-Sudan.