Għaddejjin ix-xogħlijiet fuq ġnien ġdid li se jipprovdi spazju aħdar sigur u terapewtiku għall-pazjenti ta’ Hospice Malta u l-familji tagħhom.
Dan tħabbar waqt żjara li għamlet il-Ministu Miriam Dalli fuq il-lant tax-xogħol flimkien mat-tmexxija ta’ Project Green u Hospice Malta.
Fil-fatt, ġie spjegat kif dan il-ġnien ta’ madwar 2,700 metru kwadru li jinsab fost l-aktar żoni urbani f’Malta, huwa wieħed mis-16-il spazju miftuħ fil-komunità madwar Malta u Għawdex li Project Green qed tiffinanzja permezz tal-iskema Community Greening Grant ta’ €10 miljun.
Il-proġett ta’ dan il-ġnien li jinsab ħdejn iċ-ċentru l-ġdid tal-kura paljattiva ta’ Hospice Malta f’Santa Venera, jinkludi wkoll ġibjun ġdid biex jinġabar l-ilma tax-xita għat-tisqija tal-ġnien.
Dan apparti li jinkludi wkoll żoni ta’ veġetazzjoni, żoni ddedikati għat-tfal, kif ukoll spazju fejn il-familji tal-pazjenti jistgħu jirrilassaw.
Bernadette Bonnici Kind, Chairperson ta’ Hospice Malta, qalet li dan il-ġnien se jkun qed joffri serenità u trankwilità, kif ukoll ambjent terapewtiku li jkollhom bżonn il-pazjenti tal-Hospice.
Biex b’hekk dan il-proġett jiġbor fi ħdanu wkoll il-viżjoni tal-Community Greening Grant, peress li jgħaqqad il-ħtiġijiet tal-komunità u dawk ambjentali.
“Il-benefiċċji ta’ ġnien naħseb huma ovvji jien għaliex in-natura tagħtina ħafna benefiċċji. Il-fatt li forsi tkun fix-xemx, taħt sema blu, tara l-ħdura, tara s-siġar, tara l-għasafar, tara l-friefet, tara l-ħajja tikber madwarek. Tagħtik serenità u trankwillità u jgħinuk fil-bżonnijiet tiegħek meta int tkun f’sitwazzjoni diffiċli ħafna.”
Bernardette Bonnici Kind – Chairperson ta’ Hospice Malta
Minn naħa tagħha l-Ministru Miriam Dalli faħħret lil Hospice Malta u Project Green talli qed jittrasformaw art oriġinarjament maħsuba għall-iżvilupp fi ġnien ġdid.
Hija rrimarkat ukoll l-għajnuna li se jkun qed joffri dan il-ġnien lil pazjenti fil-bżonn u l-famiji tagħhom fi żminijiet ta’ sfida.
“Primarjament se jkun qiegħed jgħin lill-pazjenti u lill-familji tagħhom u naħseb il-benefiċċju ta’ spazju bħal dan għall-pazjenti u għall-familji tagħhom fl-iktar mumenti li l-pazjenti jkollhom bżonn l-għajnuna, naħseb dak il-benefiċċju lanqas tista’ ttih valur għaliex huwa imprezzabbli.”
Miriam Dalli – Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża
Intant, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul, spjega kif l-iskema Community Greening Grant qed tagħti għajnuna finanzjarja lil għaqdiet bħal Hospice Malta, biex jinvestu fis-sostenibbiltà.
Fil-fatt, spjega kif din l-iskema qed tiffinanzja mal-80,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ f’16-il lokalità differenti.
“Ħafna minn dawn il-proġetti issa għaddejjin fil-fażijiet differenti tagħhom u se nkunu qed naraw proġetti mifruxin minn Għajnsielem għal Marsaxlokk. Mill-Mosta saż-Żurrieq u sittax-il proġett ieħor.”
Steve Ellul – Kap Eżekuttiv ta’ Project Green
Dan il-proġett mistenni jitlesta fi żmien sitt xhur.