ONE News jinsab infurmat li Dr. Christian Pandolfino, it-tabib li nhar it-Tlieta filgħaxija nstab mejjet b’tiri t’arma tan-nar fl-intrata ta’ daru f’tas-Sliema, kien qed jiekol ma’ oħtu f’ristorant fuq il-bejt ta’ lukanda ewlenija f’Tas-Sliema, propju ftit qabel ma nqatel.
Persuni qrib il-familja tal-vittmi fl-omiċidju doppju, Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski, qalu ma’ ONE News li oħtu tgħix barra minn Malta iżda fl-aħħar jiem hi u wliedha kienu fuq btala f’Malta u kienu qegħdin jgħixu fid-dar lussuża ta’ Pandolfino li tinsab fi Triq Locker, kantuniera ma’ Triq Tony Nicholl f’tas-Sliema.
Is-sorsi ta’ ONE News qalu li Christian Pandolfino, oħtu u wliedha spiċċaw mill-ikla ftit minuti qabel l-għaxra ta’ filgħaxija u oħtu riedet tixtri xi ħaġa lit-tfal tagħha.
Jirriżulta li Pandolfino ma marx magħha u baqa’ sejjer id-dar.
Ftit minuti wara li daħal id-dar, tliet persuni dehru jidħlu fid-dar tiegħu u nstemgħu sitt tiri sparati.
Ftit wara nstab mejjet fis-sular ta’ isfel, Dr. Pandolfino ta’ 58 sena u fis-sular ta’ fuq instab mejjet Ivor Maciejowski, Ingliż ta’ tletin sena.
Ilbieraħ ONE News irrapporta li kull ma nstab kien ftit taqlib f’xi kmamar u l-Pulizija ma sabitx il-kwantità ta’ deheb li kellu Dr. Pandolfino.
Għaldaqstant jidher li nsteraq id-deheb mir-residenza.
Il-koppja kienet magħruf li tilbes ammont kbir ta’ deheb fuqha, Pandolfino kien iħobb ħafna d-deheb filwaqt li s-sieħeb tiegħu kien kollezzjonist tal-arti kontemporanja.
Kif żvela ONE News ukoll, u anki ġie kkonfermat mill-Pulizija, tliet persuni dehru ħerġin mir-residenza ta’ Pandolfino, b’basket f’idejhom u ħarbu minn fuq il-post b’karozza bajda.
Intant l-Erbgħa filgħaxija l-pulizija kompliet televa aktar filmati minn kameras tas-sigurtà fl-inħawi.
Nifhmu li l-filmati elevati mhumiex daqstant ċari, bl-għamla tal-karozza l-bajda li jidher li s-suspettati fil-qtil ħarbu biha għadha ma ntgħarfitx
F’dan l-istadju l-pulizija mhux teskludi li fil-karozza kien hemm persuna oħra lesta biex issuq hekk kif minn informazzjoni li kiseb ONE News, l-ebda persuna mit-tlieta li damu biss erba’ minuti fid-dar ta’ Pandolfino, ma rikbu fil-karozza fuq in-naħa tax-xufier.
Il-pulizija qed tħares ukoll u tinvestiga fil-fond lejn il-fatt li Pandolfino ddeċieda li jirritorna waħdu f’daru u mhux jistenna lill-oħtu u wliedha biex jixtru xi ħaġa wara l-ikla.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/08/20/huma-l-pjanci-tal-karozza-li-ntuzat-fil-qtil-doppju-li-kienu-misruqa/
https://www.one.com.mt/2020/08/19/tliet-persuni-suspettati-bil-qtil-doppju-damu-erba-minuti-fid-dar-ftas-sliema-1/