Inqas minn tliet ġimgħat oħra jibdew l-avvenimenti tal-Europride, li se jkunu mifruxa bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru.
Il-programm ta’ attivitajiet għandu l-għan li jiċċelebra d-diversità u jippromwovi l-ugwaljanza għall-komunità LGBTIQ+, li llum f’pajjiżna ssib l-aħjar drittijiet tant li għal dawn l-aħħar snin dejjem ikklassifikajna fil-quċċata tal-lista globali, sitwazzjoni li nbidlet biss fl-aħħar għaxar snin taħt Gvernijiet Laburisti.
Il-EuroPride 2023 se tkun l-akbar avveniment tal-komunità LGBTIQ fl-Ewropa, b’eluf jattendu f’pajjiżna speċifikament. Dan kollox b’għan wieħed – dak favur l-ugwaljanza u t-tolleranza.
Il-EuroPride qed tiġi organizzata f’Malta wara li l-Allied Rainbow Communities kienet rebħet in-nomina biex tospita l-avveniment annwali. Fil-fatt, wara r-rebħ tan-nomina, ingħata bidu għal ħidma sfieqa biex dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jiġu organizzati kif jixraq fl-aktar pajjiż fid-dinja li jagħti l-aħjar drittijiet lil persuni omosesswali u oħrajn.
Fil-fatt qed jitqies li l-EuroPride 2023 f’Malta se jkun aktar importanti fl-istorja tad-drittijiet ċivili internazzjonali.
Wara li ġenerazzjonijiet sħaħ iffaċċjaw snin twal ta’ preġudizzji koroh, fl-aħħar diċenju Malta għamlet qabżiet impressjonanti ’l quddiem, b’riformi li jassiguraw l-ugwaljanza, inkluż fid-drittijiet.
Riformi kbar, li bdew fl-2013 f’pajjiżna, wasslu għal ħafna drittijiet li għal dawk LGBTIQ+ kienu għadhom biss ħolma. Fost l-oħrajn, Malta daħħlet id-dritt tal-Unjoni Ċivili, iż-żwieġ indaqs u d-dritt li persuni simili jiġu kkunsidrati daqs ħaddieħor fejn jidħlu adozzjonijiet.
Aaron Giardina, maniger fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, qal lil ONE News li l-EuroPride ma tfissirx biss divertiment, iżda huma għaxart ijiem li jfakkru l-mixja favur id-diversità u l-inklużjoni.
Qal, “Pride week mhux biss programm ta’ divertiment, bħall-marċ li jsir is-Sibt, iżda se jkun hemm diskussjonijiet u konferenzi li se jkunu qegħdin isiru, fosthom diskussjonijiet żgħar ta’ siegħa. Però se jkun hemm konferenzi kbar bħad-drittijiet tal-LGBTIQ+, li hi l-konferenza primarja li se tkun imqassma fuq tlett ijiem”.
Hawn Giardina wkoll spjega li, anke f’avvenimenti oħrajn ippjanati, il-EuroPride ma tfissirx spettakli biss, iżda kull wirja u kull biċċa arti, kontemporanja u dik viżiva, għandhom messaġġ jew storja ta’ persuni mill-komunità LGBTIQ+. Dawn jirrakkontaw ukoll minn xiex kellhom jgħaddu minnu tali persuni biex jiġu aċċettati kif inhuma.
Qal, “Se jittrattaw is-saħħa sesswali, id-drittijiet ta’ persuni trans u intersex. Ħa nkunu qegħdin nitkellmu dwar persuni LGBTIQ+ fid-dinja tal-isport, fost oħrajn.”
Giardina tenna li l-EuroPride ta’ din is-sena se jara wkoll persuni ġejjin Malta biex jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom f’pajjiżi oħrajn fejn sal-lum għadhom qed jiġġieldu biex jiksbu drittijiet li f’pajjiżna diġà ndraw.
Qal, “Ħa niffokaw fuq ir-reġjuni tal-Lvant Nofsani u t-Tramuntana tal-Afrika fejn se jkollna attivisti minn dawn il-pajjiżi, bħal akkademiċi kif ukoll politiċi, li ġejjin minn postijiet fejn hu diffiċli li wieħed jgħid li hu LGBTIQ+. Se jkollna diskussjoni li tinvolvi madwar dawn il-kunċetti varji li kollha jorbtu mal-komunità LGBTIQ+.”