Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO juri li n-nisa kellhom ftit iżjed responsabilità tal-ħarsien tat-tfal mill-irġiel.
Fi studju dwar il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tad-dar irriżulta li n-nisa b’responsabilità ta’ ħarsien jaħdmu tmien sigħat inqas mill-irġiel bl-istess responsabilità.
Dan hekk kif in-nisa jaħdmu medja ta’ erbgħa u tletin punt tliet sigħat fil-ġimgħa u l-irġiel jaħdmu tnejn u erbgħin punt tnejn sigħat fil-ġimgħa.
Fil-fatt l-istudju sab li waħda minn kull ħames nisa naqqsu s-sigħat tax-xogħol filwaqt li tnax punt sebgħa fil-mija tal-irġiel fittxu modi alternattivi sabiex iżidu d-dħul tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, l-istudju jgħid li arranġamenti għall-miżuri bħat-teleworking kienu wżati aktar min-nisa mill-irġiel.
L-istudju sab ukoll li wieħed u erbgħin punt wieħed fil-mija tan-nisa għandhom aktar flessibilità sabiex iqassmu l-ġranet tax-xogħol tagħhom biex imbagħad ikollhom xi ġranet ‘il bogħod mill-post tax-xogħol. Dan filwaqt li kienu biss wieħed u tletin punt tnejn fil-mija tal-irġiel li kellhom din il-flessibilità.
Fil-fatt l-istess studju sab li aktar nisa kellhom il-possibilità li jvarjaw il-ħinijiet li fihom jibdew u jispiċċaw il-ġurnata tax-xogħol meta kkumparati mal-irġiel.
Minkejja dan, l-istudju sab li n-nisa għandhom aktar responsabbilitajiet relatati mal-ħarsien tat-tfal. Filfatt kważi wieħed u erbgħin elf u seba’ mitt mara rrapportaw li għandhom dawn ir-responsabbilitajiet.
Iżda l-irġiel ma kienux ‘il bogħod wisq minn din iċ-ċifra hekk kif erbgħin elf, erba’ mija tnejn u ħamsin raġel qalu li għandhom responsabbilitajiet ta’ ħarsien tat-tfal.
L-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika sab li wieħed minn kull erba’ persuni b’responsabbilitajiet tat-tfal għamlu użu minn servizzi taċ-Chilcare.
L-istudju sab li l-medja ta’ nies li jieħdu ħsieb it-tfal kellhom disgħa u tletin sena filwaqt li tmienja u erbgħin sena hija l-età medja tan-nies li jieħdu ħsieb nies morda, anzjani jew persuni b’diżabilità.
Intant wieħed u għoxrin punt tmienja fil-mija tal-parteċipanti qalu li sigħat twal fuq il-post tax-xogħol huma l-akbar ostaklu biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ħajja fuq il-post tax-xogħol u l-ħajja tad-dar.