Ftit xhur wara li nħatar bħala Prim Ministru tal-Libja, Fayez al-Sarraj żar pajjiżna b’ mod uffiċjali biex Malta ikollha idea iktar ċara tas-sitwazzjoni fil-Libja.
F’laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Libjan assigura li l-Libja se tonora l-ftehimiet iffirmati bejn iż-żewġ pajjiżi u li se jitwaqqfu kummitati tekniċi li jerġgħu jevalwaw il-ftehimiet bejn Malta u l-Libja biex jinstab mod kif dawn jistgħu ikunu implementati. Dan hu pass importanti ħafna għal-Libja, saħaq Al Saraj.
Il-Prim Ministru Muscat stqarr li l-gvern huwa pożittiv ħafna li dawn il-ftehimiet, fosthom dak dwar il-provvista taż-żejt, se jkunu onorati ladarba is-sitwazzjoni politika fil-Libja titjieb. Madanakollu saħaq li kull ftehim li sar fil-passat għadu legalment validu u li hemm rieda politika bejn iż-żewġ pajjiżi biex iseħħu.