Numru ta’ kumpaniji Maltin u dawk mill-Ghana fl-aħħar ġimgħat, laħqu ftehimiet kummerċjali bejniethom u komplew isaħħu r-relazzjoni b’saħħitha li diġà teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi fejn jidħol il-kummerċ.
Dan intqal waqt laqgħa li kellu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, mad-Deputat Ministru għall-Kummerċ u l-Industrija tal-Ghana, Michael Okyere Baafi.
Din il-laqgħa, li saret f’Malta, segwiet dik li saret ftit tax-xhur ilu f’Accra, il-Ghana, bħala parti mill-Forum ta’ Negozju li seħħ bis-sehem ta’ aktar minn 50 negozjant Malti u Għawdxi. Matul din il-laqgħa, fost oħrajn, ġie diskuss il-ftehim ta’ aktar min €10 miljun bejn żewġ kumpaniji fil-qasam tal-kimika u l-materjali fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Il-Ministru Ian Borg qal li l-għatx għan-negozju bejn Malta u l-Ghana huwa wieħed ħaj u li l-Gvern jibqa’ jagħti l-appoġġ lin-negozji Maltin u Għawdxin biex jibqgħu jimirħu barra mill-pajjiż u jkabbru l-operat tagħhom.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Ministru Baafi qal li ż-żjara tiegħu f’Malta hija sinjal ċar tar-relazzjoni b’saħħitha li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa qal li jemmen li, minkejja diġà sar ħafna, hemm fejn din is-sħubija tkompli teċċella.