Fl-Emirati Għarab Magħquda, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg iffirma numru ta’ ftehimiet f’isem il-Gvern Malti sabiex ikun hemm aktar kooperazzjoni fis-settur marittimu, iż-żgħażagħ, il-kultura u l-isports.
Dan sar waqt laqgħa bilaterali flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għarab Magħquda, ix-Sheikh Abdullah Bin Zayed Al Nahyan.
F’din iż-żjara uffiċjali, il-Ministru Borg qal li l-kooperazzjoni fis-settur marittimu, li huwa settur daqstant kruċjali għall-kummerċ bejn Malta u l-UAE kien wieħed essenzjali.
Huwa qal li l-ħidma fir-rigward ta’ dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni mal-UAE f’dan il-qasam bdiet wara żjara li kien għamel fil-UAE fl-2021. Għaldaqstant huwa jilqa’ l-qbil u l-iffirmar tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni f’dan il-qasam kif ukoll fejn jidħlu ż-żgħażagħ u l-isports.
“Din is-sena, iż-żewġ pajjiżi ser jiċċelebraw il-50 sena anniversarju mill-bidu tar-relazzjonijiet diplomatiċi u b’hekk dawn il-ftehimiet jirriaffermaw ir-relazzjoni bilaterali b’saħħitha li teżisti”, qal il-Ministru Ian Borg.
Matul din il-laqgħa kienet diskussa wkoll il-ħidma ta’ Malta u l-Emirati Għarab Magħquda fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-Presidenza Maltija tal-Kunsill fi Frar li għadda, kif ukoll il-ħidma tal-UAE bi preparazzjoni għall-Presidenza tagħhom f’Ġunju ta’ din is-sena.