Il-President Russu, Vladimir Putin iddikjara li l-forzi tal-Gvern Sirjan u r-ribelli qabblu fuq ftehim ta’ waqfien mill-ġlied. Putin sostna li r-Russja u t-Turkija huma l-pajjiżi li mistennija jiggarantixxu dan il-ftehim.
Fl-aħħar xhur kien hemm diversi episodji fejn il-kunflitt imdemmi fis-Sirja waqaf biex imbagħad reġa’ issokta.
Dan ix-xahar il-belt t’Aleppo, li kienet fil-qalba tal-gwerra ċivili li ilha għaddejja għal iżjed minn sitt snin, waqgħet f’idejn il-qawwiet leali lejn il-President Sirjan Bashar al-Assad.
Fl-aħħar ġimgħat kienet ukoll għaddejja ħidma diplomatika bejn ir-Russja u t-Turkija, biż-żewġ mexxejja tal-pajjiż, jiġifieri Putin u Erdogan reġgħu bdew jitkellmu madwar il-mejda.