Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jsaħħaħ il-ftehimiet soċjali m’għaqdiet tal-Knisja, bil-għan li jagħti l-aqwa servizzi individwali u fit-tul lil persuni li jkunu temmew b’suċċess xi programm ta’ riabilitazzjoni.
Dan hekk kif ġie ffirmat ftehim ieħor mal-Caritas Malta, li se jalloka l-finanzjament ta’ €975,000 fuq tliet snin biex ikun assigurat servizz minn Dar Charles Miceli.
F’dan il-ftehim, jiżdiedu mal-€200,000 jew 22% aktar fuq dak preċedenti.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli Michael Falzon, li qal li l-Gvern jadotta politika li tgħin lil kulħadd, anke jekk ma jirrappreżentawx lill-maġġoranza tas-soċjetà.
“Okkażjoni bħal tal-lum hi xhieda ħajja ta’ kemm is-soċjetà Maltija hi soċjetà li temmen li tagħti t-tieni ċans, it-tielet ċans, u li dejjem taħdem biex tinkludi lil kulħadd fiha.”
MICHAEL FALZON

Iż-żmien ta’ riabilitazzjoni f’Dar Charles Miceli hu fażi ferm importanti, magħrufa aħjar bħala after-care, hekk kif, dawk involuti, ikunu qed jirritornaw fis-soċjetà, jipprovaw jintegraw mill-ġdid u, bil-mod il-mod, ikunu esposti għall-ħajja komunitarja.
Hawnhekk toħroġ l-importanza ta’ reżiljenza li dawn il-persuni jkunu rabbew tul il-programm li għamlu, għax jippreparahom meta jiġu biex jiffaċjaw sfidi soċjali, finanzjarji u anke dawk marbutin mal-vizzju li jkunu għadhom kemm ħarġu minnu.
Dwar dan tkellmet persuna li, għaddiet mill-programm u, grazzi għall-Caritas, irnexxielha terġa’ ssib lilha nnifisha u tqum fuq saqajha.
“Kelli triq t’esperjenza fil-passat mhux sabiħa xejn, kelli l-vizzju tad-droga. Ħabbat il-bieb tal-Caritas, fetħuli l-bieb mill-ewwel u laqgħuni b’imħabba kbira. U dawn nibqa’ grat lejhom dawn in-nies, għax vera staff b’imħabba, għandhom servizz eċċellenti.”
“Issa ili s-snin clean, però d-Dar xorta bqajt infittixha. Nagħżel li nibqa’ niġi għall-gruppi hawnhekk.”
“Illum sibt lili nnifsi. Sirt naf min hu Charlie fil-verità, għax qabel ma kontx naf min hu. Bid-droga tinsa kollox, tinsa lilek innifsek, tinsa l-familja, tinsa kollox fil-verità. L-aktar nies li jħobbuk tagħtihom bis-sieq u minn dan kollu tgħallimt nirrispetta lili nnifsi, l-ewwel ma nagħmel, u l-problemi niffaċċjahom, bħalma jagħmel kulħadd.”
CHARLES FARRUGIA
Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, stqarr li, f’Dar Charles Miceli, hemm sens qawwi ta’ kullana ta’ familja fejn kulħadd jappoġġja lil xulxin, anke fl-aktar mumenti diffiċli.
Hu faħħar ukoll l-impenn tal-Gvern biex jiżgura li tibqa’ tingħata għajnuna individwali, sapport fit-tul u servizz ta’ professjonisti 24 siegħa kuljum.
