B’finanzjament ta’ madwar €700,000 għal perjodu ta’ tliet snin l-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali ssiġilla ftehim soċjali ieħor ma’ SOS Malta, biex permezz tas-servizz Kellimni.com jagħti appoġġ online fuq bażi personali.
Minn dan is-servizz jibbenifikaw persuni li jiffaċjaw esklużjoni soċjali, abbuż, negliġenza, diffikultajiet psikoloġiċi, jew li jkunu fi bżonn ta’ sapport emozzjonali u morali.
Claudia Taylor-East minn SOS Malta qalet li kull ma jmur dan is-servizz qed jikber u jintuża minn aktar nies.
“Is-servizz qed jikber qed naraw ukoll li kulħadd qed jagħmel l-użu tal-internet ħafna iżjed allura l-importanza ta’ dan is-servizz nazzjonali ta’ kellimni.com se jkollu pedament sod issa għal dawn it-tlett snin.” Stqarret Taylor-East.
Il-Ministru Michael Falzon qal se jkunu qed jingħataw ukoll 600 siegħa ta’ servizzi ta’ counselling online. Il-Ministru Falzon qal li fl-aħħar ġimgħat ġie innutat il-bżonn li tingħata assistenza kontinwa lil dawk li għaddejjin minn problemi psikoloġiċi jew inkella minn mumenti ta’ solitudni.
Għalhekk, ġie estiż ukoll il-helpline 1772 li tant intuża tajjeb waqt il-pandemija tal-Covid-19.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon saħaq, “Illum il-Gvern għandu 47 ftehim ma’ NGOs. Huwa ftehim li juri kemm nistgħu nikkoperaw ma’ xulxin fil-qasam soċjali u hemm post għal kulħadd. Kollha kemm aħna għandna dover li ntejbu is-soċjetà Maltija.”