L-Aġenzija Sapport daħlet fi ftehim ġdid mal-entità privata Ħila Homes Ltd li permezz tiegħu se jkunu qed jingħataw servizzi ta’ respite kemm fuq bażi fit-tul u kif ukoll fuq perjodi qosra.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif ġie spjegat li b’kollox dan il-kuntratt b’valur ta’ sitt miljun u seba’ mitt elf ewro se jkun qed ikopri perjodu ta’ tliet snin.
Il-ftehim mistenni jżid fuq il-benefiċċjarji li ser igawdu minnu filwaqt li jirrifletti wkoll żieda ta’ sitt mija u tmienja u erbgħin elf ewro fuq il-ftehim preċedenti.
B’hekk permezz ta’ dan il-kuntratt se jkunu qed jiġu pprovduti minimu ta’ ħamsin post għal persuni b’diżabilità kemm f’Casa Apap Bologna fil-Mosta u Casa Nuovo f’Raħal Ġdid.
Fil-fatt erbgħa u għoxrin minn dawn is-sodod se jkunu qed jintużaw fuq bażi ta’ respite filwaqt li sitta u għoxrin għal bżonnijiet fil-qosor.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li permezz ta’ dan il-ftehim qed ikunu estiżi s-servizzi ta’ respite biex tkompli tkun indirizzata d-domanda li hemm għalihom.
Qalet, “Nemmnu li dan il-kunċett u dan l-investiment ta’ €6.7 miljun li qed jagħmel il-Gvern permezz ta’ dan il-ftehim se jknu qed jagħti għajnuna kbira lil dawn il-familji u l-qraba tagħhom.”
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li din il-kollaborazzjoni bejn l-aġenzija u s-settur privat tkompli ssaħħaħ il-provvediment ta’ servizzi għall-persuni b’diżabilità fejn minbarra li qed tiġi indirizzata d-domanda għal servizzi ta’ respite, qed ikompli jissaħħaħ is-servizz wara li nġabar rispons mingħand min jagħmel użu minn dawn is-servizzi kif ukoll mill-qraba tagħhom.
Spjegat, “Il-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom respite huwa importanti għax iwieżinhom ta’ kuljum anke biex ikompli moralment u psikoloġikament ikollhom serħan mill-imġieba u l-isfidi li jiġu offruti meta jkollok persuna b’diżabilità fid-dar tiegħek.”
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ ĦILA Homes Ltd, Janet Silvio esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-ftehim.
Qalet, “L-investiment li qed jagħmel il-Gvern mas-settur privat għalina jfisser opportunitajiet iktar għal persuni b’diżabilità. Aħna nemmnu li flimkien mal-Gvern dan il-partnership jista’ jkun ta’ tisħieħ għal dan is-settur u ta’ kontinwazzjoni għal aktar servizzi fil-futur,”