Ġie ffirmat ftehim ta’ finanzjament ta’ €22 miljun bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Malita Investments, li se jwassal għall-bini ta’ 267 appartament ġdid ta’ housing soċjali fiż-żona ta’ Ħal Farruġ, limiti ta’ Ħal Luqa.
Il-ftehim ġie ffirmat f’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Parlament fil-preżenza tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes.
Ġie spjegat li dan il-ftehim ta’ self se jipprijoritizza l-bini ta’ housing soċjali u affordabbli ma’ dawk li diġà twettqu fil-pajjiż u li fuqhom diġà għaddej ix-xogħol ta’ kostruzzjoni b’ritmu tajjeb.
Il-Ministru Galdes qal li, tul din is-sena rekord għas-settur tal-akkomodazzjoni soċjali, mhux biss qed jinbnew l-appartamenti, imma l-Gvern qed jibni komunitajiet sostenibbli għal kulħadd.
F’kumment lil ONE News, spjega l-importanza ta’ dan il-ftehim.
“Li ħa jkollhom miżuri ambjentali fihom, anke l-mod kif se jinbena se jkun proġett tipiku apposta, li ħa jkun qiegħed jagħti viżjoni għall-futur fl-oqsma tal-akkomodazzjoni affordabbli u soċjali. Fejn hemmhekk se jintużaw materjali apposta biex finalment ikun hemm energy-efficient tajba ħafna fil-proġett innifsu, imma wkoll, fuq kollox, dawn se jibqgħu tal-Istat, bl-iskop li jintużaw min-nies vulnerabbli u li għandhom bżonn l-akkomodazzjoni soċjali.”
Il-Ministru Galdes irrimarka li dan l-iffirmar hu pass ieħor ’il quddiem fil-missjoni tal-Gvern li jipprovdi saqaf soċjali, affordabbli u tal-ogħla livell għall-familji l-aktar fil-bżonn. Tenna li, fl-istess waqt, il-Gvern se jkompli bit-tisħiħ tal-iskemi preżenti.
Iċ-Chairman ta’ Malita Investments, Marlene Mizzi, irringrazzjat lill-Bank Ewropew tal-fiduċja li għandha f’pajjiżna biex seta’ jseħħ dan l-investiment.
“L-importanza tiegħu hu li dan hu green project, jiġifieri importanti li ħa jkollu użu inqas ta’ enerġija, se jagħti l-importanza lill-ambjent. Hu proġett kbir tal-housing affordabbli, però ħa jkun kif għandhom isiru l-affarijiet, kif għandhom ikunu l-binjiet preżenti u futuri.”
Preżenti wkoll għal dan il-ftehim importanti kien hemm il-Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Iżvilupp, Gelsomina Vigliotti, li qalet kif dan l-investiment importanti hu wieħed konformi mar-realtajiet il-ġodda internazzjonali, jiġifieri dak ta’ sostenibbiltà u tal-aqwa kwalità.