Ġie ffirmat ftehim ta’ kważi tliet miljun ewro bejn il-Gvern, l-Aġenzija Sapport u l-Fondazzjoni Maltija tal-ALS biex Djar Bjorn tkompli tassisti persuni li jkollhom bżonn kura u dipendenti fuq ħafna għajnuna.
L-iffirmar tal-ftehim sar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli f’Dar Bjorn, f’Ħal Qormi.
Dan il-ftehim, li huwa kważi mija u tletin elf ewro aktar minn dak ta’ qablu, ikopri 13-il sodda għal persuni li jbatu minn kundizzjonijiet newroloġiċi severi.
Erbgħa minn dawn is-sodod se jkunu għall-pazjenti li jkollhom bżonn għajnuna sostanzjali, filwaqt li d-disa’ l-oħra se jkunu għall-pazjenti li jeħtieġu għajnuna kompluta.
Bjorn Formosa rringrazzja lill-Gvern tal-appoġġ li qed jagħti biex jgħin pazjenti li għandhom bżonn kura intensiva.
Qal, “Il-proġett matul dawn is-snin wera li kien suċċess kemm minn aspett ekonomiku kif ukoll mill-aspett ta’ kura li jirċievu l-pazjenti, u llum il-ġurnata nħarsu ‘l quddiem għal Dar Bjorn il-ġdida biex inkomplu nikkollaboraw mal-Gvern u noffru postijiet għal nies li huma morda b’kundizzjonijiet newroloġiċi.”
Il-Ministru Farrugia Portelli tenniet li l-Gvern huwa kommess li jkompli jgħin u jassisti lill-persuni b’diżabilità.
Spjegat, “Dan il-ftehim ma’ Dar Bjorn jirrapreżenta r-reżiljenza imma wkoll il-qalb soċjali, mhux biss tal-Gvern Malti, imma wkoll il-mod eżemplari ta’ kif NGO u l-Gvern jista’ jaħdmu flimkien.”