Permezz ta’ ftehim ta’ żewġ miljun u nofs ewro, il-Gvern daħal fi sħab ma’ Hospice Malta għat-tliet snin li ġejjin biex ikun ta’ spalla u jagħmel tajjeb għas-salarji tad-diversi professjonisti li tagħmel użu minnhom l-istess organizzazzjoni.
Ta’ kuljum bejn tnejn u tliet pazjenti jiġu riferuti lejn Hospice Malta biex ikunu jistgħu jirċievu kura palljativa li tgħaqqad fiha n-neċessità tal-kura u għajnuna professjonali fl-aħħar mumenti tal-ħajja flimkien ma’ ambjent familjari.
Apparti l-pagi u s-salarji, dan il-ftehim ser jikkontribwixxi għall-investiment f’apparat aktar speċjalizzat biex jintuża mill-pazjenti fi djarhom.
Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernardette Bonnici Kind stqarret li bħalissa l-organizzazzjoni tagħti kura lil madwar elf u tliet mitt pazjent iżda tħares ‘il quddiem biex tkun tista’ twessa’ l-ħidma tagħha.
Hija spjegat: “Il-pazjenti eżistenti u dawk li probabbilment jiżdiedu f’dawn is-snin li ġejjin huma assigurati li s-servizzi tagħna li huma kollha bla ħlas, importanti li niftakruha, kollha bla ħlas għall-pazjent imma fil-fatt dejjem hemm ta’ cost fiha, jiġifieri dak li jagħtina, serħan il-moħħ iktar minn kollox li aħna dedikati u nagħtu lill-pazjent l-aħjar ta’ kull ġurnata b’imħabba u b’impenn.”
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern għaraf l-importanza ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi bħal Hospice Malta li ta’ kuljum jagħtu ħafna lura lis-soċjetà.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal, “Is-sabiħ tal-NGOs hu li apparti li ħafna drabi jkun hemm dik il-cost effectiveness għaliex hemm parti mis-servizz li qed isir b’mod volontarju imma ħafna drabi x-xogħol isir b’dedikazzjoni u b’imħabba, mhux għax meta s-servizz jingħata mis-servizzi tas-saħħa tal-istat ma jagħmlux hekk imma l-NGOs ħafna drabi jkunu passjonati fuq dak is-servizz li jkunu qed jagħtu u allura ġeneralment il-livelli jkunu għoljin u aħna bħala Gvern nieħdu pjaċir li naħdmu magħhom.”
Is-Sinjura Bonnici Kind temmet b’appell lill-pubbliku u lill-kumpaniji u qalet li għadha tilqa’ donazzjonijiet bil-għan li din l-organizzazzjoni tkompli tiffoka fuq il-pożittiv minkejja ż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu dawn il-pazjenti.