Binja pubblika li tinsab fil-kumpless ta’ Villa Portelli fil-Kalkara, se tgħaddi formalment mingħand l-Awtorità tal-Artijiet f’idejn il-kunsill lokali ta’ din il-lokalità, sabiex tilqa’ fiha l-uffiċini amministrattivi tal-istess kunsill.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt li ppresedew l-iffirmar tal-ftehim ta’ devoluzzjoni.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr kif dan huwa eżempju ċar ta’ kif qed jiġu utilizzati bl-aqwa mod possibbli r-riżorsi tal-Gvern Ċentrali sabiex filwaqt li jiġu kkonservati dawn il-binjiet storiċi, jiġu utilizzati għas-servizz tar-residenti.
“Mill-bidu ta’ din is-sena kontinwament saru taħditiet dwar kif nistgħu nutilizzaw aktar artijiet u binjiet pubbliċi għas-servizz tal-komunità. Dan wassal sabiex hekk kif qed nagħmlu illum, fix-xhur li għaddew saru ukoll devoluzzjonijiet ma’ diversi kunsilli lokali oħra. Anke f’dan il-każ, il-kunsill tal-Kalkara qed jibbenefika mill-iskema li biha se jkun qed iħallas biss il-massimu ta’ €500 kera fis-sena,” temm jgħid il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli nnutat li din id-devoluzzjoni hija waħda minn sensiela ta’ devoluzzjonijiet li saru fl-aħħar xhur u ġimgħat. Qalet li dan juri l-fiduċja li l-gvern għandu fil-kunsilli lokali sabiex imexxu proġetti huma stess.
“Permezz ta’ din id-devoluzzjoni l-Kunsill Lokali tal-Kalkara se jkollu binja isbaħ, ikbar u aħjar minn fejn jopera, li fl-aħħarnett se jgawdi minn dan kollu r-resident tal-Kalkara. Nawgura lill-kunsill lokali jmexxi ’l quddiem dan il-proġett sabiex il-Kalkariżi jkunu jistgħu jibdew jinqdew minnu,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.
Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina qal li dan l-iffirmar huwa pass importanti għall-Kunsill Lokali tal-Kalkara. “Waqt żjara li konna għamilna f’Villa Portelli konna urejna x-xewqa li parti minnha tingħata lill-kunsill lokali. Permezz ta’ dan il-ftehim il-Kunsill Lokali tal-Kalkara se jkollu binja aktar adegwata għaż-żminijiet tal-lum. Inħarsu ’l quddiem biex jiġi implimentat il-proġett u l-kunsill lokali jkun ta’ servizz aħjar għall-komunità Kalkariża.”
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella.