Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li ntlaħaq qbil bejn il-Gvern, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) u l-Union Ħaddiema Maqgħudin – Voice of the Workers (UĦM) dwar il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien tas-Servizzi Soċjali.
Dan il-ftehim huwa storiku għax wara sensiela ta’ taħdidiet, għall-ewwel darba qed tinħoloq career path ċara u distinta għall-professjonisti fi ħdan l-istess fondazzjoni, u qed jiġu rikonoxxuti l-ħiliet u l-esperjenza tagħhom permezz ta’ bosta inċentivi monetarji li, madankollu, huma responsabbli u raġunati.
Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv tjiebu l-kundizzjonjiet tax-xogħol tal-ħaddiema filwaqt li l-pagi u l-allowances se jirriflettu x-xogħol li jwettqu l-ħaddiema ta’ kull grad fi ħdan l-FSWS.
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jara li dan huwa ftehim tajjeb għall-fondazzjoni, tajjeb għall-ħaddiem, u fuq kollox, tajjeb għall-persuni vulnerabbli li jagħmlu użu mis-servizzi tal-FSWS, għax jassigura li l-management għandu l-għodda meħtieġa kemm għar-reklutaġġ kif ukoll għaż-żamma tal-ħaddiema professjonisti li tant għandha bżonn din l-entità.