Il-Ministeru għall-Politika Soċjali ssiġilla ftehim soċjali ieħor, din id-darba ma’ Dar Leopoldo, residenza mmexxija mill-Fondazzjoni Suret il-Bniedem bħala xelter għall-irġiel bla saqaf fuq rashom, fl-etajiet ta’ bejn is-16-il sena sa 65 sena.
B’kollox hemm 18-il sodda fir-residenza, li lkoll huma fuq bażi ta’ semi-independent living quarters.
Din id-dar mhux biss isservi bħala xelter, iżda minnha jingħata ukoll sapport psikosoċjali, mentoring u anke taħriġ li jħeġġeġ lil dawn il-persuni jerġgħu jgħixu ħajja indipendenti.
L-għan hu li jitjieb l-iżvilupp personali u soċjali ta’ dawn l-individwi.
L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, flimkien mat-tmexxija ta’ Dar Leopoldo.
“Qed ninvestu aktar minn €1 miljun, fejn naraw li 18-il raġel li jkollhom diffikultajiet diversi – homelessness jew forsi jkollhom bżonn ftit sapport – jingħataw dik l-imbottatura ’l quddiem li jkun hemm bżonn.”
Il-Mnistru MIchael Falzon
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Suret il-Bniedem saħqet li dawn il-persuni jitolbu għall-kenn wara li jkunu għaddew minn ċirkostanzi kumplessi u ħafna drabi jkun hemm rabta ukoll ma’ sfidi mentali.
“Aħna m’aħniex shelter service, ma nagħtux biss xelter, għax nemmnu ħafna li persuna, li tkun f’sitwazzjoni ta’ homelessness, għandha bżonn, iva, kenn, imma mbagħad għandha bżonn ukoll appoġġ emozzjonali, għandha bżonn servizz soċjali, għandha bżonn taħriġ għal ħiliet. F’kelma waħda, għandha bżonn pakkett ħolistiku, psikosoċjali, li tgħinha tqum fuq saqajha u terġa’ tibni ħajjitha u tintegra lura fis-soċjetà.”
Marique Sciberras, Chairperson, Suret il-Bniedem