L-għaqda MGRM li tmexxi ’l quddiem il-kawża tal-persuni LGBTIQ kisbet għajnuna finanzjarja ta’ €191,000 fuq perjodu ta’ tliet snin wara li estendiet ftehim soċjali li kellha mal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali.
Il-ftehim iffiser żieda ta’ €50,000 jew 38% meta mqabbel mal-ftehim li sar għall-aħħar tliet snin.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ffirmat il-ftehim, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal dawn il-fondi se jkompli jgħinu biex jissaħħu s-servizzi li qiegħda toffri l-MGRM lill-persuni LGBTIQ.
Il-MInistru Falzon stqarr: “Il-ftehim ta’ llum huwa ftehim li jirrappreżenta żieda ta’ 40% għal dik li hi nefqa u qed nitkellmu fuq somma mifruxa fuq 3 sni ntal €191,000.”
Huwa żied jgħid li dan finanzjament se jsaħħaħ s-servizzi ta’ counselling, social work u pariri legali li jaf jiġu bżonn persuni LGBTIQ jew qraba tagħhom.
ONE News tkellem ma’ Colette Farrugia Bennett, kordinatriċi tas-servizzi li toffri l-MGRM. Hija qalet li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim kienu mijiet il-persuni LGBTIQ li bbenefikaw mis-servizzi offruti li llum qegħdin jiġu sostnuti b’dan il-ftehim soċjali.
Hija spjegat ukoll x’servizzi ser ikunu qed jissaħħu permezz ta’ din iż-żieda fil-fondi: “Xi ħaġa li konnha qed naħdmu dan l-aħħar fuqha u ser inkomplu nsaħħu hija l-area tal-famiji speċjalment fejn hemm membri tal-istess sess li qegħdin f’relazzjoni u hemm it-tfal u qed nipprovdu spazju ta’ sapport fejn wieħed jista’ jiltaqa’ u jiddiskuti u anke għal ġenituri li għandhom żgħażagħ transgender.”
Min-naħa tagħha l-MGRM tat ħajr lill-Gvern għall-impenn soċjali tiegħu għax mhux biss qiegħed isaħħaħ dak li hemm imma qed jibni aħjar l-istrutturi soċjali eżistenti.