Ftehim soċjali ssiġillat din il-ġimgħa bejn il-Gvern u l-Knisja se jissarraf f’finanzjament ta’ aktar minn nofs miljun ewro għal xelter f’Għawdex li jilqa’ nies bla saqaf fuq rashom u persuni vulnerabbli li jiġu bżonn l-għajnuna fl-immedjat.
Il-ftehim sar bejn il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali flimkien mal-Fondazzjoni Kenn u Tama li tmexxi x-xelter Dar Emmaus.
F’dan ix-xelter se jkun hemm tnax-il sodda flimkien ma’ sapport psikosoċjali biex dawn il-persuni jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti spjega li dan huwa t-tielet ftehim soċjali li ssiġilla l-Ministeru Soċjali din is-sena bħala parti minn pjan kontinwu ta’ sapport li qed jingħataw l-għaqdiet mhux governattivi biex iwettqu aktar xogħol ma’ nies fil-bżonn.
Qal, “It-tielet ftehim soċjali għal din is-sena, it-tielet wieħed li ġeddidna din is-sena mill-ewwel ta’ Jannar għamilna tnejn oħra, dan tal-lum għamilnih ma’ entità Għawdxija, mal-NGO Kenn u Tama li tmexxi Dar Emmaus.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-għajnuna mhix tieqaf iċ-Ċirkewwa.
Spjega, “Nirringrazzja lill-partijiet kollha nvoluti tas-sostenn tagħhom li jifhmu l-importanza li l-istess servizzi li jkun hemm ġewwa l-gżira ta’ Malta, ikunu wkoll hawnhekk f’Għawddex.”
Fl-istess jum li ġie ffirmat dan il-ftehim, saret żjara wkoll f’Dar Trionfi li ngħatat mill-Knisja lill-FSWS għal żmien temporanju.
Il-Monsinjur Joe Vella Gauci qal li din id-dar tilqa’ persuni u familji li għal raġunijiet varji jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Qal, “Il-binja ta’ Trionfi hija kumplimentari għal Dar Emmaus. Ċertament li l-aġenda soċjali qiegħda tilħaq lill-vulnerabbli f’pajjiżna.”
Il-Ministru Michael Falzon qal li b’dawn il-ftehimiet, tieħu l-ħajja l-politika soċjali tal-Gvern, li l-ġid jasal għand kulħadd, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.
Qal, “Konvint li nibqgħu nagħmlu aktar ġid flimkien. Konvint li nistgħu nagħmlu aktar u se nibqgħu nagħmlu aktar, dejjem fl-interess tas-soċjetà.”