B’investiment ta’ żewġ miljun ewro, ġie estiż ftehim soċjali bejn il-YMCA u l-Ministeru għall-Politika Soċjali, biex persuni bi sfidi soċjali jsibu stabbiltà f’ħajjithom – b’dan huwa meqjus bħala l-ikbar pakkett finanzjarju fost il-ftehimiet kollha li saru.
Dan il-ftehim, se jassigura t-tmexxija tas-servizzi offruti minn erba’ residenzi mmexxija mill-istess għaqda, filwaqt li se jwassal għall-ftuħ tar-raba’ residenza – Dar Simon Soler.
B’hekk il-YMCA se jkollha sa massimu ta’ 60 sodda kuljum, għall-persuni li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom għal żmien temporanju.
Il-Kap Eżekuttiv tal-YMCA Anthony Camilleri enfasizza li dawn is-servizzi mhumiex biss xelter, iżda servizzi li jagħtu appoġġ psikosoċjali fit-tul.
“Tajjeb ngħidu li l-għan aħħari hu li dawn in-nies, jerġgħu lura fis-soċjetà b’mod indipendenti, u b’mod attiv, li ma jerġgħux jiġu bżonn dan is-servizz. Fil-fatt, din is-sena, flimkien, mal-Ministeru rnexxielna, naqbdu ħamsin persuna fix-xelters tagħha u jerġgħu lura fis-soċjetà.”
Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar kif dawn il-ftehimiet soċjali huma maħsuba biex jgħinu lil dawn il-persuni jsibu appoġġ, jieħdu deċiżjonijiet, u eventwalment jerġgħu jgħixu b’mod indipendenti.