Ġie ffirmat ftehim settorjali għall-Border Control Officers li huma parti mill-Korp tal-Pulizija bħala civilians.
B’hekk ġiet implimentata miżura oħra tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
L-għan ewlieni ta’ dan il-ftehim hu li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ dawk l-uffiċjali li jaħdmu fil-ħarsien tal-fruntiera.
Għalhekk, dan se jolqot b’mod dirett lil 60 uffiċjal li bħalissa jaħdmu bħala ‘First Line Officer’ u ‘Second Line Officer’.
Il-ftehim se jara wkoll li, jekk xi ħaddiema jingħataw xi responsabbiltajiet addizzjonali li mhux imniżżlin fil-ftehim maqbul, dawn jitħallsu wkoll permezz ta’ allowances għal dawn ir-responsabbiltajiet addizzjonali.
L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, li spjega li dan huwa wieħed mill-għaxar ftehimiet iffirmati fl-aħħar snin fil-Ministeru għall-Intern.
Il-Ministru Camilleri afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex il-ħaddiema fis-sigurtà ta’ pajjiżna jibqgħu isibu lill-Gvern ta’ spalla soda għalihom.
Tali ftehimiet għandhom l-għan li jkomplu joffru kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u salarji aħjar lill-ħaddiema u l-familji tagħhom.
F’dan il-każ, il-ħaddiema li magħhom ġie ffirmat il-ftehim għandhom irwol importanti fis-sigurtà ta’ pajjiżna, għax huma responsabbli għal dawk il-persuni kollha li jidħlu f’pajjiżna minn pajjiżi barra ż-żona Schengen.
Qal, “Dak li wegħidna fil-manifest ‘Malta Flimkien’, illum qed inkomplu nwettquh. Dan għamilnih mal-Border Control Officers permezz ta’ ftehim settorjali li permezz tiegħu mhux biss se jtejbu l-kundizzjonijiet tagħhom però se jagħti aktar garanzija fuq il-post tax-xogħol tagħhom”.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Emanuel Psaila, kif ukoll rappreżentanti mit-taqsima tar-relazzjonijiet industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mill-Border Control Officers tal-Korp tal-Pulizija, u mill-General Workers’ Union.