Ġie ffirmat ftehim settorali ġdid mat-tobba li se jkopri l-erba’ snin li ġejjin.
Il-ftehim il-ġdid se jkopri realtajiet ġodda fil-qasam mediku li bdew jinħassu aktar mill-pandemija ’l hawn bħalma hu s-servizz tat-telemedicine.
Dan il-ftehim se jolqot elf u sitt mitt professjonist mediku, fosthom konsulenti u speċjalisti li joffru s-servizzi tagħhom lis-settur pubbliku.
F’kumment li ta wara l-iffirmar tal-ftehim, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dan il-ftehim settorali se jagħmilha aktar faċli biex jintużaw aħjar ir-riżorsi kollha li għandu l-pajjiż, fost l-oħrajn billi s-servizzi tas-saħħa jibqgħu jaħdmu bl-aħjar mod filgħaxijiet u fi tmiem il-ġimgħa, kif ukoll billi jingħataw iżjed servizzi barra mill-Isptar Mater Dei.
Qal, “Waqt li komplu jibni fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin tal-professjonisti tas-saħħa tagħna, se jagħmilha aktar faċli għalina biex nagħmlu użu aħjar u aktar sħiħ tar-riżorsi li għad għandna fil-pajjiż fil-qasam tas-saħħa. Dan billi nkomplu noperaw l-isptarijiet tagħna filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa u wkoll billi nipprovdu aktar riżorsi barra l-Isptarijiet tagħna, biex bil-professjonisti bravi li għandna fil-pajjiż, inkomplu nżidu s-servizz tagħna u nagħtu servizz tas-saħħa tajjeb u eċċellenti għall-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, Dr Martin Balzan qal li dan il-ftehim ikompli jibni fuq it-tajjeb li diġà kien hemm u li huwa ta’ benefiċċju mhux biss għat-tobba, imma anke għas-servizz tas-saħħa u għall-pazjenti kollha.
Qal, “Dan il-ftehim huwa sodisfaċenti għalina, anke fil-kuntest tal-pandemija. Dan il-ftehim jibni fuq dak li kellna qabel, u naħseb li mhux biss se jkun ta’ benefiċċju għat-tobba iżda se jkun ta’ benefiċċju għas-settur tas-saħħa u għall-pazjenti kollha.”