Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ppreseda waqt l-iffirmar tal-ftehim settorali l-ġdid għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Probation u Parole. L-aħħar ftehim kien sar fis-sena 2012.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li f’dawn l-aħħar xhur hu flimkien mad-Dipartiment tal-Probation u Parole, mal-Internal Relations Unit (IRU), u l-Unjoni Ħaddiema Magħqudin (UĦM) Voice of the Workers ħadmu bis-sħiħ sabiex isaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Probation and Parole. Għalkemm dan id-dipartiment hu żgħir, joffri s-servizz lil diversi persuni ħalli jibqgħu fil-komunità u jkomplu għaddejjin bil-ħajja tagħhom filwaqt li jingħataw għajnuna sabiex jirriabilitaw u jerġgħu jintegraw fl-istess komunità.
Il-Ministru Michael Farrugia saħaq li l-ftehim settorali se jkun qed jara li l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Probation u Parole jingħataw numru ta’ benefiċċji, progress fl-iskali, kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għall-ewwel darba se jingħata l-benefiċċju ta’ Caseload Allowance, fejn kull uffiċjal se jiġi allokat numru fiss ta’ każijiet li jkunu taħt is-superviżjoni tiegħu. F’każ li dan in-numru jinqabeż, l-uffiċjal jingħata allowance li jvarja skont il-grad li jkun fih l-uffiċjal.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li għall-ewwel darba il-Gvern se jkun qed jagħti flus sabiex jintużaw għall-Continuous Professional Development(CPD) tal-impjegati. Dan sabiex il-ħaddiema jkomplu jistħarrġu u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f’dan il-qasam tant speċjalizzat. Mhux biss, iżda l-ftehim se jara li l-ħaddiema jiżdiedu fl-iskali. Dan kollu qiegħed isir bl-għan li l-Gvern jirrikonoxxi l-esperjenza li għandhom l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Probation u Parole, kif ukoll sabiex jattira aktar persuni jibdew il-karriera tagħhom bħala Uffiċjali tad-Dipartiment.
Il-ftehim settorali ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Kevin Mahoney, mid-Direttriċi tad-Dipartiment tal-Probation u Parole Miriam Sevasta, mid-Direttur tal-UĦM Voice of the Workers Jesmond Bonello; u mill-Assistent Direttur tal-UĦM Voice of the Workers Edwin Balzan. Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ic-Chief of Staff Francis Galea u d-Direttur Ġenerali tal-istess ministeru Charles Vella.