Ġie ffirmat ftehim ta’ devoluzzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Dan se jwassal biex binja tal-Gvern fejn bħalissa hemm inkorporati l-uffiċini tal-Kunsill Lokali kif ukoll tlett imħażen biswit se jgħaddu formalment f’idejn il-kunsill ta’ din il-lokalità.
Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-preżenza tal-Ministru għall-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Mark Camilleri sostna li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali se jkun jista’ jiżviluppa ċentru ċiviku, li jinkludi fih servizzi ta’ berġa tas-saħħa, pulizija tal-komunità u day centre.
“Illum huwa jum storiku għalina ġewwa Ħaż-Żebbuġ peress li wara 30 sena ta’ kunsilli lokali, iffirmanja dan il-ftehim biex dan il-bini tal-kunsill, jgħaddu f’idejn il-Kunsill Lokali.”
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-ftehim hu fost sensiela ta’ ftehimiet li saru din is-sena ma’ diversi Kunsilli Lokali. Sostna l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ se jibbenefika minn skema ġdida ta’ capping fuq il-kirja annwali tal-art ta’ ħames mitt ewro fis-sena.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli sostniet kif ftehim bħal dan qed jirrikonoxxi aktar l-irwol tal-Kunsilli Lokali fi ħdan il-komunitajiet tagħna