L‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Verifika, NAO, bħal kull sena, se jkun qed iwettaq xogħol ta’ verifika tal‑kunsilli lokali kollha, kif ukoll tal‑kunsilli reġjonali kollha f’Malta u Għawdex.
Fi stqarrija ntqal kif wara diskussjonijiet estensivi bejn l‑NAO, id‑Dipartiment għall‑Gvern Lokali, u l‑Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, ġie deċiż li mis‑sena d‑dieħla, waqt li l‑NAO se jiffoka fuq il‑verifika tar‑rapporti finanzjarji tal‑kunsilli lokali kollha f’Malta u Għawdex, il‑monitoraġġ u rapport dwar il‑konformità mar‑regoli u regolamenti pertinenti jibdew isiru mid‑Diviżjoni għall‑Gvern Lokali.
Intqal kif b’hekk se jiżdiedu l‑effiċjenza u l‑effikaċja tal‑proċess annwali kurrenti. Id‑Diviżjoni għall‑Gvern Lokali se tkun qed issaħħaħ il‑kapaċità tagħha bil‑ħolqien ta’ direttorat ġdid li jkun responsabbli mill‑konformità finanzjarja u tal‑proċeduri ta’ akkwist. Rapport annwali tal‑monitoraġġ u konformità se jiġi ppubblikat mid‑diviżjoni qabel il‑bidu ta’ verifiki annwali.
Permezz ta’ dan il‑ftehim, ċerta duplikazzjoni żejda ta’ xogħol se tiġi evitata. B’hekk, issa l-kunsilli lokali, kif ukoll il-kumitati reġjonali, se jkollhom aktar ħin minflok x’joffru lill‑komunità tagħhom.
Madankollu, l‑NAO se jirriserva d‑dritt li jkompli jwettaq xogħlijiet ta’ verifika tal‑konformità fejn iħoss li huwa meħtieġ, fuq bażi ta’ kampjun.