Il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST daħlu għall-ftehim biex kemm ħaddiema tal-armata u anke studenti tal-MCAST jingħataw it-taħriġ li għandhom bżonn biex tkun assigurata s-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi.
Permezz ta dan il-ftehim, ser jiġu żviluppati korsijiet apposta li ser jaraw li r-rekluti tal-Forzi Armati jiksbu korsijiet akkreditati. Għaldaqstant, l-uffiċjali jkunu jistgħu jiżviluppaw il-kapaċitajiet u l-għarfien tagħhom iżda wkoll igawdu mill-benefiċċju ta’ taħriġ validu biċ-ċertifikati li jistgħu jiġu msarrfa fid-dinja tax-xogħol.
Dan filwaqt li l-Forzi Armati ta’ Malta ser ikunu qed joffru taħriġ lill-istudenti tal-inġinerija fost l-oħrajn fuq livell tekniku u professjonali.
Il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi spjega li l-istandards li l-MCAST jaddotta huma importanti biex jagħtuhom il-kwalifiki li r-rekluti għandhom bżonn biex jidħlu fl-armata.
Id-Deputat Prinċipal tal-MCAST, Dr Mario Cardona, spjega kif b’dan il-ftehim, l-MCAST se jkompli l-kollaborazzoni mal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri sostna li dan il-ftehim huwa pass importanti biex inkomplu nsaħħu t-taħriġ tas-suldati.
Qal, “Permezz ta dan il-ftehim, se ikompli jgħin sabiex aktar suldati jirċivu l-edukazzjoni u taħriġ professjonali tiegħu mill-MCAST. Dan flimkien li nkomplu ninvestu sabiex intuwhom il-kundizzjonijiet u d-drittijiet li jixraqilhom”.
Min-naħa tagħa l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana spjegat kif dan il-ftehim ser jiftaħ ukoll opportunitajiet ta’ impjieg hekk kif il-gradwati tal-MCAST, partikolarment dawk li jsegwu Diploma Estiża fl-Istudji tal-Fondazzjoni għas-Sigurtà, Infurzar u Protezzjoni, ikunu jistgħu jingħaqdu mal-Forzi Armati ta’ Malta meta jtemmu l-istudju b’suċċess.
Qalet, “Inkunu nistgħu nagħtu taħriġ lil membri tal-forzi armati pero fl-istess waqt l-istudenti li jattendu l-MCAST ikunu jistgħu jingħataw esperjenza mal-forzi armati.”