Ftehim ġdid iffirmat bejn il-Gvern, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji u l-Kamra għall-Ispiżjara ser jara mhux biss titjib fl-iskema tal-ispiżjar għall-għażla tiegħek iżda wkoll ser jintroduċi servizzi ġodda f’din l-iskema.
Fost l-oħrajn ser tiġi introdotta l-‘medicines use review’ fejn kull sitt xhur ser isir rapport personalizzat dwar kull klijent u l-użu li jagħmel mill-mediċini.
Dan sabiex ikun żgurat li l-pazjent qed jieħu l-aqwa mediċina biex jindirizza l-problemi ta’ saħħa li jkollu.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif din ser twassal ukoll għal inqas ħela ta’ mediċini.
Intlaħaq ukoll il-ftehim biex min-nhar il-Ħadd illi ġej, mis-6 ta’ Frar, l-ispiżeriji li jiftħu l-Ħadd filgħodu u fil-Festi, issa ser jiftħu wkoll wara nofsinhar bejn l-erbgħa u s-sebgħa ta’ filgħaxija.