L-anzjani se jgawdu minn aktar servizzi f’każijiet fejn ikunu sfaw vittmi tal-kriminalità.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, u mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.
Il-ftehim sar għal tliet snin bejn l-Aġenzija Victim Support u l-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Dan il-ftehim, b’ruħ soċjali, se jara aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ aġenziji biex ikunu offruti servizzi b’aktar effiċjenza għall-anzjani fosthom kura aktar b’saħħitha u aċċess aħjar għas-servizzi provduti.
Fil-fatt, ġew identifikati numru ta’ social workers miż-żewġ aġenziji bil-għan li jaħdmu flimkien u jaqsmu l-informazzjoni li għandhom filwaqt li jattendu għal taħriġ flimkien.
Barra minn hekk, jekk il-klijenti jagħtu l-kunsens tagħhom, l-informazzjoni dwarhom tingħadda bejn l-aġenziji biex b’hekk jingħataw l-għajnuna meħtieġa b’mod mingħajr burokrazija.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif, fuq medda ta’ erba’ xhur, l-Aġenzija Victim Support għenet mas-sebgħin klijient b’aktar każijiet jiġu segwiti ta’ kuljum.
Il-Ministru Camilleri qal li l-ftehim iffirmat huwa xhieda tat-tibdil fil-mentalità għall-kriminalità, fejn il-każ ma jkunx jinkludi l-agressur biss iżda wkoll lill-vittmi kkonċernati li, jekk ma jingħatawx l-attenzjoni meħtieġa, ikunu sfaw vittmi darbtejn.
Qal, “Għaliex, sfortunatament, inkunu qegħdin naraw persuni li jkunu vittmi darbtejn. L-ewwel darba għaliex ikun hemm persuna li jwettaq kriminalità fil-konfront tagħha, it-tieni darba għax ma ssibx l-għajnuna li hemm bżonn. Irridu nifmhu li, għal ċertu persuni, anki li sempliċiment li titla’ l-Qorti bħala xhud jista’ jkun mument ta’ ħafna biża’.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, spjega kif il-vittmi għandhom mal-erbgħa u għoxrin servizz għad-dispożizzjoni tagħhom permezz ta’ dan il-ftehim.
Abela stqarr li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jħares l-anzjanità attiva minn kull aspett bil-għan li tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja li jgħixu.
Qal, “Aħna xogħolna hu li, b’mod aktar ħolistiku, irridu nsaħħu dawk is-servizzi u noħolqu servizzi ġodda. L-aspett tas-sigurtà kif qed nitkellmu llum huwa aspett li forsi veru qabel ma tantx konna wisq nagħtu kasu. Imma l-impenn li seħħejtu għalih illum ifisser li qed nimxu fid-direzzjoni t-tajba.”
Fix-xhur li ġejjin l-aġenziji mistennija jimbarkaw ukoll fuq riċerka dwar il-vjolenza domestika.