Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal estenda ftehim soċjali li għandu mal-Fondazzjoni Rise.
Dan biex filwaqt li jkompli jingħata s-servizz lill-priġunieri rġiel biex jintegraw lura fil-komunità, jibda jingħata servizz ġdid f’residenza li tilqa’ priġunieri nisa, li jkunu qed jiskontaw l-aħħar parti tas-sentenza tagħhom.
Il-finanzjament għaż-żewġ ftehimiet hu ta’ madwar miljun ewro fuq medda ta’ tliet snin.
Din ir-residenza se tkun tal-ewwel tip tagħha f’pajjiżna, u se sservi biex l-priġuniera nisa wkoll jibdew jintegraw lura fis-soċjetà.
Minkejja dan il-ftehim, il-priġunieri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom servizz 24 siegħa kuljum, residenzjali, u anke day community-based care biex jiġu megħjuna b’mod fiżiku, spiritwali, soċjo-legali, u minn aspetti psikoloġiċi.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Rise, Charles Mifsud qal li programmi u ftehimiet bħal dawn qed iwasslu għal tibdil fl-attitudnijiet tal-priġunieri sabiex jerġgħu jibdew jintegraw lura fis-soċjetà.
“It-tibdil huwa kbir. It-tibdil huwa li bniedem qed joħroġ mill-programm u għandu pjan lest għall-ħajja tiegħu – ikollu d-dilemma tal-problemi soċjali li kellu, problemi psikoloġiċi li bniedem kellu, ikollu x-xogħol, ikollu dinjità, ikollu fejn joqgħod – u allura bniedem ikun jista’ jkompli b’ħajtu kemm jista’ jkun ’il bogħod mill-kriminalità.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, saħaq kemm hi importanti l-Fondazzjoni Rise biex ftehimiet bħal dawn isiru possibbli.
“L-għaqda Rise hija għaqda li tagħmel xogħol imprezzabbli meta nidħlu biex nerġgħu nagħtu t-tieni ċans lil min ikun għal xi żmien għadda ħajja kalċeralja. Hija importanti li nkunu soċjetà kollha li nagħtu t-tieni ċans.”