L-Università ta’ Malta ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-Università Awronatika ta’ Embry-Riddle.
Dan il-ftehim se jagħti opportunità sabiex il-bdoti se jkunu jistgħu jkomplu jistudjaw fuq il-qasam tal-avjazzjoni f’livell ta’ Baċċelerat u Masters, sabiex permezz t’hekk ikomplu javvanzaw fis-settur tal-avjazzjoni.
Waqt dan il-ftehim, il-Professur Inġinier David Zammit Mangion, li huwa d-Direttur tal-Istitut tat-Teknoloġija Aerospace qal kif l-Università ta’ Malta ilha taħdem diversi snin ma’ entitajiet barranin kbar fir-riċerka f’dan il-qasam.
Huwa spjega: “Issa aħna qegħdin nagħmlu l-istess pass, imma fil-qasam tat-tagħlim u dik hija xi ħaġa ġdida għalina li tpoġġina fil-qasam tal-avjazzjoni fuq pjattaforma, aktar recognisible fil-qasam mondjali.”
Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici, li qal kif dan huwa importanti sabiex l-istudenti jkollhom aktar fejn jimmirħu.
Huwa stqarr: “Din hija xi ħaġa importanti ħafna fejn għandna Università, tagħmel dual programme ma’ Università Amerikana fl-awronatika. Dan huwa l-futur li qed naraw għat-tfal tagħna, għall-istudenti tagħna, illi jkomplu bl-edukazzjoni tal-aqwa kwalità.”