L-eks kowċ tat-tim nazzjonali Malti Tom Saintfiet telaq lejn il-Gambja wara ftehim mal-assoċjazzjoni tal-Futbol Maltija. Ftehim li kif ġie rraportat fil-gazzetta Kulħadd baqa’ mistur, iżda se jara lil Saintfiet jitlaq lejn il-Gambja bi bwietu mimlija.
Huwa kien l-ewwel għażla tal-assoċjazzjoni biex imexxi lit-tim nazzjonali Malti u jieħu post it-Taljan Pietro Ghedin. Din l-aħbar kienet ta’ sorpriża għal bosta intiżi fix-xena tal-futbol Malti hekk kif bosta klabbs Maltin saħqu li l-istess kowċ kien baghtilhom CV iżda huma kienu rrifjutaw is-servizzi tiegħu.
Wara li l-ewwel riżultati tiegħu fit-tmexxija ma urew l-ebda bidla imwiegħda, l-aħħar musmar fil-qabar tal-karriera tiegħu mat-tim nazzjonali Malti ġie msammar minn rapporti f’midja internazzjonali li Saintfiet kien qed juri interess li jilħaq il-kowċ tal-Kamerun. Għalkemm huwa qal li din kienet biss ‘fake news’ l-assoċjazzjoni tal-Futbol Malti neħħietu mit-tmexxija iżda imlietlu wkoll bwietu. Dan għaliex biex jagħmel it-tluq prematur tiegħu bil-kwiet, huwa kellu jingħata somma sostanzjali.
Il-gazzetta ‘Kulħadd’ żvelat kif meta pruvat issaqsi lilu stess x’kien l-arranġament li kien hemm, huwa qal li l-ftehim huwa bejnu u bejn l-assoċjazzjoni. Dan filwaqt li żied li huwa ma jmurx jistaqsi l-ġurnalisti kemm jaqilgħu flus.
Tom Saintfiet, li wieħed mill-ogħla punti fil-karriera tiegħu kien meta rebaħ il-‘Mc Donalds’ cup fil-Ġermanja, saħaq li issa jħares il-quddiem lejn l-avventura l-ġdida tiegħu mat-tim tal-Gambja.