Pajjiżna qed jipprepara sabiex wara l-pandemija pajjiżna jkun preparat biex iwelled niċċa ġdida tat-turiżmu, dik tat-turiżmu reliġjuż.
Dan permezz ta’ ftehim bejn in-National Federation of Past Pupils and Friends of Don Bosco u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur. Permezz tiegħu l-gvern ser ikun qed jagħti €200,000 biex is-Salesjani jagħmlu xogħlijiet infrastrutturali f’binja li l-funzjonijiet tagħha ser ikunu li tgħaqqad żgħażagħ Kattoliċi li jagħżlu lil Malta bħala d-destinazzjoni primarja għall-vjaġġ spiritwali tagħhom.
Is-Salesjani f’Tas-Sliema ser jingħataw ukoll €60,000 oħra fuq medda ta’ ħames snin bil-għan li jirreklamaw lil Malta mal-230 pajjiż differenti li s-Salesjani ta’ Don Bosco huma rappreżentati fihom.
Il-Ministru għat-turiżmu Clayton Bartolo spjega kif dan il-ftehim huwa parti mill-isforzi li qed isiru sabiex pajjiżna jkun minn tal-ewwel li jerġa’ jdawwar ir-rota fis-settur turistiku tiegħ,u wara l-pandemija.
Il-Ministru Bartolo qal, “Ninsab ċert illi din in-niċċa tat-turiżmu ser tkun waħda iktar importanti għal pajjiżna għaż-żmien illi ġej hekk kif ser inkunu qed naraw li nisfruttaw il-potenzjal kollu li għandna bħala pajjiż fil-qasam reliġjuż.”