L-Università ta’ Malta u l-Malta Laboratories Network (MLN) illum ffirmat Memorandum of Understanding bl-għan li jiffaċilità attivitajiet flimkien ma’ taħriġ, u koperazzjoni aktar mill-qrib, f’oqsma li jittrattaw standards fl-iżvilupp tal-assigurazzjoni tal-kwalità u fil-Prattika Tajba fil-Manifattura. Dan skont l-aqwa prattiċi fil-laboratorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji tal-Unjoni Ewropea, li jinkludu l-kalibrazzjoni tal-apparat u l-validazzjoni tal-proċess.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Professur Alfred J. Vella, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, u l-Professur Anthony Serracino Inglott, Chairman tal-Malta Laboratories Network fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista.
Malta Laboratories Network huwa netwerk ta’ laboratorji bbażati f’Malta. L-MLN jikkollabora ma’ diversi partijiet interessati u jopera permezz ta’ mudell uniku għall-kordinazzjoni. L-għanijiet tal-MLN hu li jiffoka fuq l-iżvilupp, il-kordinazzjon u l-konsistenza tas-servizzi tal-laboratorji f’Malta, li jindirizza kwistjonijiet strateġiċi ewlenin għan-netwerk.
L-Università ta’ Malta, bil-Fakultajiet u Istituti varji tagħha, għandha numru kbir ta’ laboratorji mgħammra b’faċilitajiet mill-aktar moderni li jintużaw għat-tagħlim u r-riċerka. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-Università ta’ Malta timmira li ttejjeb is-sistemi ta’ kwalità tal-laboratorji tagħha. f’Dan ir-rigward, it-twaqqif ta’ sħubija strateġika mal-MLN joffri opportunità għall-iskambju ta’ esperjenzi u riżorsi bejn il-laboratorji. Dan jiffaċilità l-użu tal-laboratorji tal-Università ta’ Malta biex dawn jaqdu l-bżonnijiet tal-pajjiż, meta dan ma jtellifx il-funzjonijiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka tal-Università.
L-Implimentazzjoni ta’ standards għoljin ta’ kwalità fil-laboratorji tal-Università ta’ Malta turi li dawn il-laboratorji huma kapaċi li b’mod konsistenti jipproduċu riżultati validi u affidabbli. L-elementi ta’ kwalità u l-aħjar prattiki riżultat ta’ dawn l-istandards f’ambjent ta’ riċerka akkademika jistgħu jkomplu jtejbu l-kwalità tal-istudji ta’ riċerka u l-parti ta’ edukazzjoni universitarja u jiffaċilitaw it-trasferiment teknoloġiku, b’mod speċjali fl-oqsma farmaċewtiċi u dawk mediċi. L-akkreditazzjoni tal-laboratorji tista’ tippermetti lill-Università ta’ Malta biex tappoġġja aħjar l-attività industrijali lokali u l-awtoritajiet governattivi, billi tipprovdi aċċess għar-riżorsi u l-kompetenzi tagħha fuq livell għoli.