Il-Gvern daħal fi ftehim ieħor mal-privat bil-għan li jkompli jattakka l-listi ta’ stennija f’Mater Dei. Din id-darba l-ftehim huwa mal-isptar St James Capa, u diġa’ beda jkun attwat. Jitratta operazzjonijiet maġġuri, b’mod partikolari l-bdil tal-irkoppa.
Il-mira hi li sal-aħħar ta’ din is-sena jsiru 800 operazzjoni maġġuri. Diġa’ twettqu ‘l fuq minn 400 fejn jidħlu operazzjonijiet ta’ bdil tal-irkolla. Saru wkoll numru ta’ operazzjonijiet li jinvolvu s-sinsla tad-dar. Il-Gvern se jkun qed iħallas għal dawn l-operazzjonijiet, kif ukoll jibgħat fiżjoterapista fid-dar tal pazjent.
Il-ftehim huwa maqsum fi tnejn : għajnuna mill-Gvern f’day cases, bħal dawn fis-sezzjoni ENT (ear, nose and throat) u każijiet ta’ ftuq.
Il-Ministru Chris Fearne qal li waħda mill-ikbar problemi li jaffaċċja l-Gvern fil-qasam tas-saħħa hija dik tal-listi ta’ stennija, u l-isptar Mater Dei biss mhux biżżejjed biex iħaddan il-pazjenti kollha li għandhom bżonn il-kura. Il-ftehim bejn il-Gvern u l-privat wasal wara inizjattivi bħaż-żieda tas-swali tal-operazzjonijiet u operazzjonijiet li jsiru nhar ta’ Ħadd ukoll.
Il-Ministru spjega li kien hawn ‘l fuq minn 1,000 pazjent fuq il-lista ta’ stennija għall-bdil tal-irkolla u interventi fis-sinsla tad-dar. Il-Gvern u l-privat m’għandhomx għaliex jikkompetu kontra xulxin fejn tidħol is-saħħa tal-pazjent Malti u Għawdxi, temm jgħid il-Ministru.